Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Twissija dwar l-intoppi għall-Brexit

Il-Ministru tat-Trasport Britanniku, Chris Grayling, qal li ‘kull ostakolar’ għall-proċess tal-Brexit kapaċi jwassal għal spinta ta’ estremiżmu tal-lemin estrem fir-Renju Unit.

Filwaqt li r-Renju Unit qed iħejji biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea fl-aħħar ta’ Marzu, Grayling qal lill-gazzetta Daily Mail li ‘f’każ li l-pajjiż ma jieħux dan il-pass, is-17-il miljun Britanniku li vvutaw għall-Brexit se jħossuhom imqarrqa u traduti’.

Fil-fatt, Grayling wissa li dan ix-xenarju potenzjali jista’ itemm sekli ta’ politika ‘moderata’ fir-Renju Unit u qed iħeġġeġ lid-deputati fil-House of Commons biex jappoġġaw il-ftehim għall-Brexit li l-Prim Ministru Theresa May kienet laħqet mal-UE, fl-aħħar tas-sena li għaddiet.

Il-vot dwar il-ftehim għandu jsir fil-Parlament nhar it-Tlieta.

Intant, mistenni li l-maġġoranza tad-deputati se jivvutaw biex jiċħdu l-ftehim u dawn jistgħu jinkludu ‘il fuq minn 100 deputat tal-Partit Konservattiv fil-Gvern. Dan minkejja li xi Ministri wissew li r-Renju Unit qed jiffaċċja ‘paraliżi tal-Brexit’ f’każ li l-ftehim ma jgħaddix mill-vot.