Futbol Sport

Żewġ żbalji difensivi fi ftit sekondi jwittu t-triq għal rebħa Pawlista

(Ritratt: Trevor Sollars)

PIETÀ H……………….. 0   HIBERNIANS……….. 2

Pietà: N. Vella, T. Ose (H. Singh 46’), C. Grech, A. Machedo Neto, C. Degabriele (S. Pisani 88’), J. Artiaga, N. Pace Cocks, I. Jalo (S. Okoh 78’), J. Busuttil, G. Mensah, P. Chimezie

Hibernians: S. Hogg, M. Dias, A. Agius, N. Radojevic, I. Ntow, D. Vella, B. Kristensen (A. Vella 92’), J. Mbong, T. Fonseca, J. Degabriele (C. Zammit 91’), T. Marcolino (D. Xuereb 88’)

Imwissija: T. Marcolino 60’ (H), I. Jalo 74’ (P)

Skorjaw: J. Mbong 36’, A. Machedo Neto o.g. 36’ (H)

Referee: Darryl Agius

Assistenti Referees: Roberto Vella, Mitchell Scerri

Il-Mument Plejer tal-logħba: Bjorn Kristensen (Hibernians)

Żewġ gowls li setgħu ġew evitati kkundannaw lil Pietà Hotspurs hekk kif  Hibernians komplew għaddejjin bil-mixja pożittiva tagħhom biex assiguraw posthom għal ġimgħa oħra fil-quċċata tal-kampjonat.

Fl-ewwel 35 minuta ż-żewġ gowlkipers rari kienu impenjati, bl-unika azzjoni denja tasal fis-27 minuta meta minn korner ta’ Jurgen Degabriele, daħal tajjeb Andrei Agius iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu għaddiet fuq il-lasta.

Hibernians fetħu l-iskor fis-36 minuta f’azzjoni mhux mistennija. Bjorn Kristensen għadda vertikalment fuq il-lemin lejn JOSEPH MBONG li b’dak li kulħadd ħaseb li kien kross, spiċċa biex qarraq bil-gowlkiper Nicholas Vella u l-ballun spiċċa fix-xibka.

Dan il-gowl ħasad lil Pietà li sa dak il-ħin kien qed ikollhom prestazzjoni tajba, iżda ftit sekondi wara sofrew it-tieni gowl, li wkoll seta’ ġie evitat. Fonseca ġie f’pożizzjoni tajba u ra x-xutt tiegħu fil-baxx salvat parzjalment minn Vella, bil-ballun jaħbat ma’ Antonio Machedo Neto u spiċċa daħal fil-kaxxa, anki jekk Christian Grech prova jbiegħed il-periklu minn fuq il-linja.

Il-kowċ ta’ Pietà Ramon Zammit għamel bidla għat-tieni taqsima b’Harry Singh jieħu post Takaki Ose filwaqt li Christian Degabriele bidel il-linja fid-difiża għal fuq il-lemin. Pietà urew l-intenzjoni tagħhom fit-tieni taqsima u fid-49 minuta, Paul Chimezie prova b’xutt minn barra l-kaxxa li spiċċa barra.

Ftit qabel is-siegħa logħob, Pietà ħolqu azzjoni tajba bi kross mix-xellug ta’ Gabriel Mensah lejn Paul Chimezie li b’daqqa ta’ ras impenja serjament lil Hogg li kien attent biex dawwar f’korner.

Aktar ma beda jgħaddi l-ħin, Hibernians reġgħu bdew jieħdu l-kontroll tal-logħba u fil-71 minuta marru viċin li jagħlqu l-logħba. Kristensen għadda lejn Taylon Marcolino li avvanza b’azzjoni personali u b’xutt fil-baxx għeleb lil Vella iżda mhux il-lasta wieqfa, bil-ballun jispiċċa barra. Minuta wara Vella salva tajjeb xutt ta’ Jurgen Degabriele.

Marcolino reġa’ prova jniżżel ismu b’żewġ tentattivi fit-82 minuta u minuta wara, iżda fiż-żewġ okkażjonijiet ix-xuttijiet tiegħu għaddew barra.