Internazzjonali

Renju Unit: L-aħħar sforzi għall-appoġġ tal-ftehim għall-Brexit

Il-Gvern Britanniku qed jappella mill-ġdid lid-deputati parlamentari biex jaċċettaw u jappoġġjaw il-ftehim għall-Brexit li l-Prim Ministru Theresa May ikkonkludiet ġimgħat ilu ma’ Brussell.

Dan meta nhar it-Tlieta ssir il-votazzjoni kruċjali dwar il-ftehim fil-House of Commons ta’ Londra, fost indikazzjonijiet li grupp ta’ deputati qed iħejju biex jieħdu kontroll tal-proċess tal-Brexit jekk – u kif qed jidher probabbli – il-ftehim ma jgħaddix mill-vot.

F’każ li d-deputati jiċħdu l-ftehim, May qed tiffaċċja wkoll il-probabbiltà ta’ vot ta’ sfiduċja fil-Gvern mill-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni u li jista’ iwassal għal elezzjoni ġenerali.

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit wissiet dwar ‘konsegwenzi katastrofiċi’ f’sitwazzjoni fejn il-Brexit ma jsirx u qed tappella lid-deputati biex ‘jinsew il-logħob u l-manuvri u jagħmlu dak li hu tajjeb għall-pajjiż.’

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju għall-Brexit Stephen Barclay indika li jekk il-ftehim tal-Brexit jeħel ( fil-vot tat-Tlieta), il-Parlament Britanniku jkun mistenni jappoġġa ‘xi ħaġa fuq l-istess linji tal-ftehim’. Barclay, iżda, ma riedx jispekula jekk il-Gvern tiegħu għandux xi ‘pjan B’ bil-għan li jimplimentah skont iċ-ċirkustanzi.