Internazzjonali

L-eks-militanti Battisti lura fl-Italja fejn se jiskonta l-ħabs għal għomru

L-eks militanti komunista Taljan, Cesare Battisti, li nqabad fil-Bolivja wara snin maħrub lill-ġustizzja, twassal lura f’Ruma bl-ajruplan u, fl-aħħar sigħat, niżel, taħt skorta ta’ pulizija, fl-ajruport ta’ Ciampino.

Battisti, qattiel ta’ erba’ persuni u li għandu 64 sena, spiċċa estradit wara li, nhar is-Sibt, kien arrestat mill-pulizija Bolivjana f’Santa Cruz de La Sierra. Intant, il-Ministru għall-Intern Taljan, Matteo Salvini, li kien qed jistenna l-wasla ta’ Battisti fl-ajruport, qal li ‘l-Italja issa għandha f’idejha raġel li ilha tfittex għal ħafna snin u li postu huwa l-ħabs’.

L-istampa qalet li Battisti kellu jittieħed lejn il-ħabs ta’ Rebibbia biex jiskonta l-priġunerija għal għomru u fejn, allegatament, se jinżamm iżolat għall-ewwel sitt xhur.

Cesare Battisti laħaq skonta sentejn minn sentenza ta’ tnax-il sena ħabs fl-Italja meta rnexxielu jaħrab fl-1981. Hu, intant, weħel il-ħabs għal għomru (fl-assenza tiegħu) għal erba’ omiċidji li saru matul is-snin sebgħin. Filwaqt li Battisti dam jgħix għal snin fil-Brażil hu kien għeb wara li nħariġlu mandat għall-arrest matul ix-xahar li għadda.

Fl-aħħar sigħat, il-Prim Ministru Taljan, Giuseppe Conte, esprima s-sodisfazzjon għall-fatt li issa tista’ issir il-ġustizzja ma’ Battisti. Conte irringrazzja lill-awtoritajiet tal-Bolivja, kif ukoll lill-President tal-Brażil, Jair Bolsonaro, għall-‘kooperazzjoni effettiva tiegħu’ biex jinqabad dan l-eks-militanti li kien daħal fl-art tal-Bolivja illegalment.

Fl-1979, Cesare Battisti kien spiċċa l-ħabs bħala membru ta’ grupp estremista tax-xellug – ‘L-Armati Proletarjani għall-Komuniżmu’ – li kien ipprojbit fl-Italja. Wara li ħarab hu dam xi għaxar snin jiżgiċċa lill-pulizija u qasam lejn Franza fl-1990 – f’liema sena kien spiċċa kundannat għall-qtil tal-erba’ persuni, inklużi żewġ pulizija Taljani.

Battisti ammetta li kien jifforma parti mill-imsemmi grupp komunista iżda ċaħad li kellu x’jaqsam mal-omiċidji waqt li qed ifisser lilu nnifsu bħala ‘refuġjat politiku’.