Internazzjonali

Qabel il-vot tal-Brexit: May tappella lid-deputati biex ‘jaħsbu għall-pajjiż’

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit Theresa May ħeġġet lid-deputati fil-House of Commons biex jappoġġjaw il-ftehim tagħha mal-Unjoni Ewropea għall-Brexit ‘jekk ma jridux li l-pajjiż ibati l-effetti negattivi’.

Hi wissiet dwar ‘paraliżi fil-Parlament’ f’każ li d-deputati jiċħdu għall-ftehim fil-vot importanti ta’ għada, f’Londra, waqt li spjegat li ‘il-fiduċja fil-politika għandha ġġarrab impatt katastrofiku f’każ li r-Renju Unit ma jipproċedix bil-Brexit’.

Fil-preżent hemm stennija qawwija għall-vot dwar il-Brexit li se jkollu ‘sinifikat qawwi’ għall-ġejjieni.

Iżda waqt li Theresa May insistiet li l-UE ‘mhix tipprova tqarraq bil-Britanniċi’, il-kritiċi qalu li ċ-ċirkustanzi, flimkien mal-‘impenji relatati’, mhumiex effettivi għall-konklużjoni fissa tal-Brexit, ‘inkella għad-dritt unilaterali li l-Britanniċi joħorġu mill-UE meta jridu’.

Il-Partit DUP tal-Irlanda ta’ Fuq, li qed jappoġġja lill-Gvern ta’ May iżda mhux dan il-Ftehim għall-Brexit, min-naħa tiegħu, qed jgħid li ‘xejn, fil-fatt, ma inbidel’.

Fi żviluppi oħra, l-assistant whip, Gareth Johnson, sar l-aħħar membru tal-Gvern Britanniku li rriżenja minħabba l-Ftehim għall-Brexit u, permezz ta’ ittra lil Theresa May, fisser il-ftehim mal-UE bħala ‘xi ħaġa li tmur kontra l-interessi ta’ pajjiżu’.

F’din is-sitwazzjoni hemm ukoll rapporti li numru ta’ deputati fil-House of Commons qed jaħsbu biex ‘jieħdu kontroll tal-proċess tal-Brexit’ f’każ li l-Ftehim ta’ May ma jgħaddix mill-vot.

Dan meta l-Laburisti u partiti oħrajn tal-Oppożizzjoni se jivvutaw kontra l-ftehim, fost il-possibbiltà li ‘jissieħbu magħhom’ madwar 100 deputat tal-Partit Konservattiv fil-Gvern u l-għaxar deputati tal-Partit DUP.

Meta, illum, kellmet lill-ħaddiema tal-fabbriki fil-belt ta’ Stoke, Theresa May qalet li xenarju fejn numru ta’ deputati parlamentari ‘iwaqqfu l-Brexit’ qed isir aktar reali minn sitwazzjoni ta’ Brexit mingħajr ftehim mal-UE. Hi spjegat li li ‘hemm uħud f’Westminster li jixtiequ jtellfu jew anki jwaqqfu l-proċess tal-Brexit’ u li huma ‘se jippruvaw minn kollox biex tgħaddi tagħhom’.