Futbol Sport

Finalment Steve Pisani hu plejer ta’ Balzan

(Ritratt: Joseph Galea)

Steve Pisani se jkun qed jilgħab mat-tielet klabb tiegħu fil-Kampjonat Premier hekk kif finalment kien hemm il-qbil mill-partijiet kollha biex dan it-trasferiment iseħħ.

Madwar tliet ġimgħat ilu, il-paġna ta’ Replay fuq facebook kienet żvelat li Pisani mistenni jħalli lil Floriana biex jingħaqad ma’ Balzan. Kollox kien jidher li hu maqbul bejn iż-żewġ klabbs u Pisani, iżda minkejja dan, Net Spors kien żvela li kien għad jonqos biss li l-President ta’ Floriana Riccardo Gaucci jagħti l-aħħar kelma biex dan it-trasferiment iseħħ.

F’messaġġ fuq il-profil tiegħu fuq facebook, Pisani rringrazzja lil kulħadd fil-klabb ta’ Floriana speċjalment lill-President Riccardo Gaucci. Hu qal li se jibqa’ dejjem kburi li lagħab u kien captain ta’ klabb glorjuż bħal Floriana u sostna li Floriana dejjem se jkollhom post speċjali f’qalbu.

Floriana kienu qed jippruvaw isaħħu t-tim speċjalment fis-suq lokali, bil-Furjaniżi kienu interessati kemm f’Paul Fenech kif ukoll f’Johann Bezzina, żewġ trasferimenti li seħħew ma’ klabbs oħra. Pisani kien il-captain u wieħed mill-plejers importanti ta’ Floriana. Il-midfielder ta’ 26 sena kien ingħaqad mal-Furjaniżi f’nofs l-istaġun 2012/2013 mingħand Hibernians.

Hu sar it-tielet akkwist ta’ Balzan f’dan ix-xahar wara Aleksandar Kosoric u Paul Fenech, filwaqt li mistenni jakkwistaw lil Ricardo Faria mingħand Tarxien Rainbows, b’Siraj Arab mistenni jmur fid-direzzjoni opposta b’self.