Internazzjonali

L-inqas rata ta’ żvilupp fil-Ġermanja mill-2013

L-ekonomija tal-Ġermanja kibret b’1.5 fil-mija matul is-sena li għaddiet, b’dan qed jitqies bħala l-inqas rata ta’ żvilupp mill-2013.

Iċ-ċifri mill-Uffiċċju għall-Istatistika Federali qed juru li l-ekonomija tal-Ġermanja – li hi l-akbar waħda fl-Ewropa – qatgħet lura sew matul l-2018.

Din is-sitwazzjoni ta’ slowdown qed tkun attribwita għal ekonomija globali aktar dgħajfa u problemi fl-industrija tal-karozzi li huma kawżati minn kriterji ġodda għal kontra t-tniġġiż tal-ajru.

Fil-bidu tal-2018, kien mistenni li l-ekonomija tal-Ġermanja kellha tiżviluppa b’1.8 fil-mija u meta r-rata tal-iżvilupp (tagħha), fl-2017, kienet ta’ 2.2 fil-mija.

Madankollu, l-ekonomija tal-Ġermanja naqset b’0.2 fil-mija bejn Lulju u Settembru li għadda, bil-kwistjonijiet assoċjati mal-kummerċ globali jissemmew bħala l-kaġun.

Sadanittant, dak iż-żmien kien espress l-inkwiet li l-Ġermanja kienet qed tissogra ‘tliet xhur oħra ta’ statistika negattiva fejn jidħol l-iżvilupp’ u liema sitwazzjoni kienet titfa’ lill-pajjiż f’riċessjoni.

L-Uffiċċju tal-Istatistika fil-Ġermanja għadu ma ħariġx iċ-ċifri għall-perjodu Ottubru-Diċembru ( 2018) peress li ma għandux biżżejjed data għal rapport preċiż.

Iżda l-kalkuli inizjali tal-ekonomisti indipendenti jissuġġerixxu li l-ekonomija tal-Ġermanja setgħet kibret b’madwar 0.2 fil-mija fl-aħħar tliet xhur tal-2018.

Is-sitwazzjoni fejn il-konsumaturi Ġermaniżi huma anqas lesti biex jixtru l-karozzi ġodda ( fost il-konfużjoni dwar il-liġijiet ġodda għall-emissjonijiet) qed tidher bħala fattur partikulari għall-iżvilupp anqas mgħaġġel tal-ekonomija.

Intant, hu minnu li z-zona ewro – bħala entità sħiħa – naqset sew mir-ritmu tal-iżvilupp bejn Lulju u Settembru li għadda, bit-tnaqqis jaffettwa wkoll lill-Italja b’mod speċifiku.

Dan meta l-Ġermanja, bħala esportatur ewlieni, hi speċifikament esposta għax-xejriet fil-kummerċ globali.