Internazzjonali

It-Turkija lesta twaqqaf zona tas-sigurtà għall-Kurdi tas-Sirja

Il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, qal li wieġeb b’mod pożittiv għas-sejħa tal-President Amerikan, Donald Trump, biex titwaqqaf ‘zona ta’ sigurtà’ tul-il-fruntiera Torka mal-artijiet tas-Sirja li huma kontrollati mill-Kurdi.

Erdogan u Trump tkellmu bit-telefon wara li Trump kien hedded ‘biex jeqred lit-Turkija ekonomikament’ f’każ li l-qawwiet Torok jattakkaw lill-milizji Kurdi alleati ta’ Washington ladarba l-militar Amerikan jirtira mis-Sirja. It-Turkija tqis lill-milizji Kurdi tal-grupp YPG li qed jgħinu fil-ġlieda kontra l-ISIS fis-Sirja bħala grupp terroristiku.

Intant, Erdogan, issa, informa lid-deputati parlamentari Torok li hu daħal fi qbil dwar ‘zona tas-sigurtà li tkopri 32 kilometru ta’ art u li se titwaqqaf mit-Turkija’.

Ma kien hemm l-ebda tweġiba immedjata mingħand Trump jew l-uffiċjali tal-Istati Uniti, filwaqt li lanqas ma kkummentaw l-awtoritajiet Kurdi li jikkontrollaw ‘il fuq minn 400 kilometru tat-territorju mal-fruntiera Sirjana mat-Turkija.

Madankollu, il-President Trump qal, qabel, li kien ‘kellem lil Erdogan biex jagħmillu l-pożizzjoni ċara rigward iz-zona tas-sigurtà potenzjali’. Trump insista wkoll bl-importanza tal-alleanza mal-YPD fl-isforzi lejn l-eliminazzjoni tat-terroristi tal-ISIS li għad fadal fil-Lvant tas-Sirja.’

Dan meta t-Turkija tikkunsidra lill-YPD bħala estensjoni tal-moviment PKK tas-separatisti li ilhom aktar minn 30 sena jiġġieldu għall-awtonomija tal-Kurdi fit-Turkija.