Lokali

Mingħalih wasal il-Polonja … jirrealizza li qiegħed Malta meta x-xufier tat-taxi ma fehmux kelma bil-Pollakk

Anzjan Pollakk ta’ 75 sena li mingħalih wasal f’pajjiżu, spiċċa f’Malta u rrealizza biss bl-iżball meta ħareġ mill-ajruport u staqsa lix-xufier tat-taxi biex iwasslu fil-villaġġ fejn jgħix.

Iżda x-xufier tat-taxi, kif il-passiġġier kellmu bil-Pollakk, baqa’ jħares lejh jipprova jifhem x’suppost kien qed jgħidlu. Kien hawn li r-raġel kien qiegħed mal-1,000 mil bogħod minn pajjiżu.

Pawel Lawreniuk, ta’ 75 sena, tela’ abbord ajruplan tar-Ryanair li suppost kellu jwasslu minn Leeds-Bradford fejn kien qed iżur lil bintu, għal pajjiżu Gdansk. L-inċident seħħ nhar il-Ħadd 6 ta’ Jannar.

Biex tgħaxxaqha, ir-raġel jidher li ma jafx kelma bl-Ingliż u fl-ajruport ma kien hemm ħadd li seta’ jgħinu. Fortunatament mara li titkellem il-Pollakk jidher li rrealizzat b’dak li kien qed jiġri, tkellmet ma’ bintu u għenitu jirritorna lejn pajjiżu.

Bintu, li tkellmet mal-midja internazzjonali, spjegat li kienet hi li pprintjatlu l-biljett u kienet ċerta li fuqu kien hemm miktub id-destinazzjoni korretta. Qalet li ma tistax tifhem kif missierha wera l-biljett qabel tela’ abbord l-ajruplan, u saħansitra fuq l-ajruplan meta wrewh fejn irid ipoġġi … u ħadd ma nduna b’xejn!

Lucyna Lawreniuk qalet li missierha jinsab trawmatizzat u ma jridx jerġa’ jsiefer, lanqas biex jerġa’ jmur jaraha. Qalet ukoll li qed iqum b’ħolm ikrah meta jiftakar li kien f’pajjiż barrani bla flus u b’mobile li minn Malta bih ma setax iċempel lejn pajjiżu. Ħabbret li qed titkellem ma’ avukat dwar dak li seħħ.

Fortunatament, bl-għajnuna ta’ Kamilla Nikolas li nzertat fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, ir-raġel seta’ jirritorna lejn pajjiżu fl-istess jum, imma 14-il siegħa iktar tard milli suppost.