Lokali

IL-KWISTJONI TAL-POMPI TAL-PETROL: Jisfaxxaw it-taħdidiet bejn il-GRTU u l-Gvern

Mhux eskluż li jeskalaw l-azzjonijiet

F’laqgħa li għada kemm intemmet bejn il-GRTU u l-Ministru Joe Mizzi, jidher li ma ntlaħaqx ftehim dwar il-kwistjoni tal-pompi tal-petrol.

Filfatt mhux eskluż fl-immedjat jeskalaw l-azzjonijiet.

Il-Ġimgħa li għaddiet il-GRTU kienet wissiet li tista’ tieħu azzjonijiet fil-ġranet li ġejjin wara li l-Gvern kompla jkaxkar saqajh dwar għajnuna lill-pompi tal-petrol. Dan sabiex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-ħtiġijiet infrastrutturali rikjesti mill-liġi li jridu jkunu daħlu fis-seħħ sa mhux iktar tard mill-2020.

Fl-aħħar jiem wieħed seta’ jinnota ammont iktar mis-soltu ta’ nies jieħdu l-petrol u d-diesel mill-pompi tal-petrol. Dan bħala prekawzjoni għall-eventwalità li jitħabbar xi strike mill-pompi tal-petrol.

Fi stqarrija, il-GRTU qalet li mhux talli d-diskussjonijiet, li ilhom għaddejjin mill-2014, ma waslu mkien iżda l-Gvern issa qed imur lura fuq dak li kien diġa’ miftiehem sa issa.

Fl-2014, il-GRTU ippreżentat studju dettaljat minn kumpanija indipendenti dwar il-ħtiġijiet ta’ dawn l-operaturi. Iżda filwaqt li saru bosta laqgħat mal-Ministru Joe Mizzi sabiex il-pompi tal-petrol ikollhom l-appoġġ meħtieġ, il-GRTU qalet li jidher li l-Ministru Mizzi qed jilgħab għaż-żmien u qed imur lura fuq progress li diġa’ sar.