Lokali

POMPI TAL-PETROL: Ultimatum biex sa tmiem il-ġimgħa tinstab soluzzjoni

Wara li l-laqgħa tal-bieraħ bejn il-GRTU u l-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi ma wasslet għall-ebda żblokk fil-kwestjoni tas-sidien tal-pompi tal-petrol, il-GRTU ħarġet stqarrija oħra fejn qed tgħid li l-media rrappurtat xi ineżattezzi. L-istqarrija madankollu ma ċċaratx x’kienu dawn l-ineżattezzi.

L-istess stqarrija tgħid li l-GRTU se tkun qed tagħti ċans sa tmiem il-ġimgħa sabiex tinstab soluzzjoni. Jekk dan ma jseħħx, il-union beħsiebħa tlaqqa lill-membri kollha tagħha nhar it-Tnejn.

Mhux eskluż li jekk dan iseħħ, jiġu ordnati xi azzjonijiet.

Intant f’kummenti li tat fuq il-programm Net AM dalgħodu fut Net TV, Abigail Mamo, s-CEO tal-GRTU qalet li l-membri huma mdejjqin u nkwetati ħafna bis-sitwazzjoni jif inhi u li minkejja li qed nisimgħu ħafna li dan huwa l-aqwa żmien, hemm il-biża li nibdew naraw sitwazzjonijiet ġodda għal pajjiżna.

Id-diskussjonijiet mal-Gvern, li ilhom għaddejjin mill-2014, mhux talli ma wasslu mkien iżda l-Gvern issa qed imur lura fuq dak li kien diġa’ miftiehem sa issa.

Fl-2014, il-GRTU ippreżentat studju dettaljat minn kumpanija indipendenti dwar il-ħtiġijiet ta’ dawn l-operaturi. Iżda filwaqt li saru bosta laqgħat mal-Ministru Joe Mizzi sabiex il-pompi tal-petrol ikollhom l-appoġġ meħtieġ, il-GRTU qalet li jidher li l-Ministru Mizzi qed jilgħab għaż-żmien u qed imur lura fuq progress li diġa’ sar.