Lokali Qorti

Liberat mill-Appell fuq ġurament falz wara li kien mar 10 snin ħabs

Raġel ta’ 49 sena ġie lliberat mill-Qorti tal-Appell minn 10 xhur ħabs li kien weħel fil-Qorti tal-Maġistrati fuq ġurament falz. Dan wara li kien instab ħati li wettaq dan ir-reat biex jiffroda kumpanija b’madwar €26,000, u għalhekk jieħu għalih profitt mhux ġust.

Arnold Farrugia, li bħalissa qed iservi sentenza twila ta’ ħabs fuq każ iehor ġie illiberat mill-Imħallef Conseulo Scerri Herrera li qalet li ma jidher bl-ebda mod li Farrugia ħa ġurament falz biex iwettaq frodi.

Il-każ kien seħħ wara li ċertu Martin Degabriele, kien kera Minibus mingħand Farrugia peress li l-karozza tiegħu kienet għat-tiswija għand il-kumpanija Gasan Enterprises Ltd, fejn wara kien fittex lill-kumpaninja minħabba t-telf ta’ qliegħ li kien għamel fuq il-perjodu li kienet damet il-karozza biex tissewwa.

Qabel ma kien ippreżenta l-każ fil-Qorti f’Novembru tal-2012, Degabriele kien kellem lil Farrugia biex jieħu ġurament li fih ikun qed jiddikjara li s-somma totali għal kiri tal-van kienet tammonta għal €26,000, ħafna aktar mill-kont totali ta’ €8,200.

Il-Qorti tal-Maġistrati qalet li minkejja li ħass li kien hemm xi ħaġa ħażina u staqsa lil Degabriele dwar din il-figura għolja, Farrugia xorta waħda akkumpanjah għand l-avukat tiegħu qabel ma ħa ġurament, li kien se jħallsu l-bilanċ meta il-flus kienu se jingħataw mingħand Gasan.

Waqt il-kawża fil-Qorti, ħareġ kollox fejn il-kumpanija tal-karozza għamlet rapport mal-Pulizija, u hawn bdew l-azzjonijiet kriminali fuq frodi. Ix-xhieda tal-Prosekuzzjoni kienu kkonvinċew lill-Qorti kien jaf li s-somma kienet tkabbret għal tal-apposta u għahekk għen biex isir ħlas aktar milli suppost.
Madankollu minn dak li ħareġ fl-appell, il-Prosekuzzjoni ma ġabet l-ebda prova żgħira kemm hi żgħira li b’xi mod remot tista’ turi li mhuwiex minnu li l-akkużat laħħaq ix-xogħol ghal Degabriele meta kellu l-van bil-ħsara.

L-unika ħaġa li tirriżulta mill-istqarrija u mix-xhieda li ngħatat fil-proċeduri ċivili hija li filwaqt li saru l-vjaġġi u x-xogħol in kwistjoni, l-ammont dovut ghal dan ix-xogħol kien inqas minn dak dikjarat fl-affidavit.

Il-bqija tal-affidavit però kien korrett u veritjier, u għalhekk ma jistax jingħad li l-affidavit kien il-“messa in scena” biex isir l-allegat frodi. Jekk wieħed ikollu iqis l-istqarrija li kwotat l-Ewwel Qorti jirriżulta li qabel din id-dikjarazzjoni hemm miktub li Farrugia kien staqsa lil Degabriele dwar id-diskrepanza li huwa beda jissuspetta li hemm fl-ammonti, izda Degabriele “baqa jinsisti li sar kollu dan ix-xogħol” u li “Martin baqa’ jinsisti biex inħalli f’idu għax kien jaf x’inhu jaghmel” – dan żgur però ma jista’ qatt jfisser bħala xi prova mingħajr dubju dettat mir-raġuni li Farrugia kellu xi “common design” biex jigi kommess il-frodi!

Wieħed ma jridx jinsa li l-każ kollu tal-Prosekuzzjoni iżomm fuq din l-istqarrija, u għalhekk, fin-nuqqas ta’ prova żgħira kemm hi żgħira dwar xi komplott li kellhom Farrugia u Degabriele dwar il-frodi lil Gasan ma tista’ qatt tirriżulta l-kompliċità f’dan ir-reat – anzi d-dikjarazzjonijiet fl-istqarrija juru l-kontra!