Futbol Sport

Kevin-Prince Boateng jingħaqad ma’ Barcelona b’sorpriża

Iċ-champions Spanjoli kkonfermaw l-akkwist tal-eks plejer ta’ Milan Kevin-Prince Boateng b’self sa tmiem l-istaġun. Boateng li għandu 31 sena, ingħaqad ma’ Sassuolo fis-sajf li għadda għal €2 miljuni li jinkludi għażla li jinxtara b’mod permanenti għal madwar €7.5 miljunni fis-sajf.

It-trasferiment ta’ Boateng ma’ Barcelona tfisser ritorn f’La Liga wara li lagħab ma’ Las Palmas fl-istaġun 2016/17 fejn skorja 10 gowls minn 28 logħba. Il-plejer mill-Ghana rċieva kritika mill-partitarji ta’ Barcelona fuq il-media soċjali hekk kif reġa’ deher filmat antik tiegħu fejn qal li kieku kellu l-għażla jippreferi jilgħab ma’ Real Madrid minflok Barcelona.

B’reazzjoni għal dan il-filmat, Boateng qal li dik hi xi ħaġa tal-passat u jinsab iffukat fuq Barcelona u kompla li jixtieq jiskorja fil-Clasico fi Stadio Santiago Bernabeu. Hu mistenni jkun għad-dispożizzjoni fl-ewwel leg tal-kwarti tal-finali tat-Tazza tar-Re li Barcelona għandhom kontra Sevilla l-Erbgħa.