Lokali

L-istudenti ta’ Santa Margerita jgħidu tagħhom dwar l-Ewropa

It-Tnejn filgħodu l-istudenti tal-iskola sekondarja tal-Kulleġġ ta Santa Margerita tal-Verdala, f’Bormla, laqgħu lil Charles Vella – membru tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE). Dan bi preparazzjoni għal “#YEYSturns10:Vote for the future!” – l-assemblea taż-żgħażagħ li ser tkun qed tiġi organizzata fi Brussell bejn il-21 u t-22 ta’ Marzu – bil-parteċipazzjoni ta’ din l-iskola Maltija fost 33 skola oħra minn madwar l-Unjoni Ewropea.

Għaldaqstant, l-għan aħħari ta’ Charles Vella huwa li jaħdem ma’ dawn l-istudenti li għandhom bejn is-16 u t-18-il sena bi preparazzjoni għal dawn il-laqgħat – sabiex b’hekk ikunu lesti biex jaqsmu l-ideat tagħhom dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Iżda dan mhux biss, għaliex waqt dawn il-laqgħat l-istudenti ser joħorġu bi tlett proposti li sussegwentament il-Parlament Ewropew jikkunsidra waqt il-kampanja tal-Elezzjoni Ewropea.