Edukazzjoni Lokali

FL-MCAST: Titneħħa direttiva, iżda materji oħra għadhom pendenti

S'issa tneħħiet direttiva waħda; l-MUT tgħid li għad hemm bosta materji li għadhom pendenti

F’komunikat li ħareġ din il-ġimgħa, l-MUT qalet li se tkun qed tneħħi d-direttiva li kien hemm lill-edukaturi, biex issa jkunu jistgħu jgħaddu l-attendenza tagħhom tal-istudenti lit-tmexxija tal-MCAST. Din id-deċizjoni ttieħdet wara li l-amministrazzjoni tal-MCAST tat il-fondi għar-riżorsi u ppublikat il-qbil dwar l-użu ta’ dawn il-fondi.

L-edukaturi issa jistgħu jużaw din l-istess għajnuna kif inhu stipulat f’dan il-qbil.

Il-Union iżda sostniet li dan huwa l-ewwel pass biex il-ħidma terġa’ tiġi lura għan-normal, u hemm bosta materji oħra li għadhom pendenti, inkluż arretrati u aġġustamenti tas-salarji li suppost għandhom jingħataw lejn tmiem dan ix-xahar.

Għalhekk id-direttivi l-oħra li ngħataw mill-MUT se jibqgħu fis-seħħ sakemm dawn il-materji jkunu verament indirizzati.

Fuq in-naħa l-oħra tal-munita, u wara xhur ta’ krib minn naħa tal-istudenti tal-MCAST, issa jidher li dawn l-istess istudenti waslu fi stat li jikkunsidraw li jsejjħu protesta.

L-istudenti ta’ dan il-kulleġġ ilhom jaffaċċjaw numru ta’ problemi hekk kif għad hemm għadd kbir minnhom li baqgħu ma rċevewx l-istipendju u li lanqas ma jafu jekk hux se jkunu eliġibbli biex jieħduh, u kif ukoll fl-aħħar jiem irċivew email li l-eżamijiet tagħhom ġew posposti.