Għawdex Lokali

IL-MINA BEJN GĦAWDEX U MALTA: Bżonn ta’ studji aktar xjentifiċi

Ritratt: NET Media

L-Assoċjazzjoni tal-Ħaddiem Għawdxin f’Malta (AGEM) temmen li hemm bżonn diskussjoni serja dwar il-proġett tal-mina bejn iż-żewġ gżejjer, u skont hi, jeħtieġ li jsiru studji aktar xjentifiċi dwar l-impatt qawwi li se jġib miegħu dan il-proġett.

Fi stqarrrija, l-AGEM tinnota li matul dawn l-aħħar xhur l-argument dwar il-mina bejn Malta u Għawdex telgħa sew fuq l-agenda nazzjonali, b’ħafna jagħtu r-reazzjonijiet tagħhom għal dan il-proġett.

L-AGEM tħoss li għandha tkun aktar involuta b’mod dirett fid-diskussjonijiet u d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw dan il-proġett sabiex jiġi assikurat li l-bżonnijiet ta’ kulħadd fis-soċjeta Għawdxija ikunu mħarsa u diskussi b’mod ħieles, soċjalment ġust u mill-aktar informattiv.

Għaldaqstant, filwaqt li AGEM tilqa’ b’sodisfazzjoni l-impenn favur il-link permanenti, l-assoċjazzjoni turi tħassib dwar il-metodu propost li jibbaża ruħu fuq użu esklussiv għall-vetturi. Dan ser iwassal sabiex il-prinċipju ta’ ‘rapid mass transit system’, li jilqa’ għall-bżonnijiet tal-pajjiż kollu, jiġi eskluż kompletament.

Fl-opinjoni t’AGEM sistema tal-massa veloċi li tgħaqqad lill-Għawdex ma’ diversi partijiet f’Malta tkun soluzjoni li l-aktar tgħaqdi l-bżonnijiet u l-ħtiġijiet tal-ħaddiema Għawdxin li jeħtieġu sistema li tnaqqas is-sewqan, il-ħin ta’ stennija u l-ispejjeż mingħajr il-bżonn ta’ sussidju qawwi min-naħa tal-Gvern.

Apparti hekk, AGEM temmen li sistema ta’ ‘metro’ hi aktar ‘environmentally friendly’ peress li ser tgħin sabiex jitnaqsu l-emissjonijiet mill-vetturi fl-arja, hekk kif rikjest mill-EU. Fid-dawl ta’ dan kollu, AGEM tisħaq li:
1. L-awtoritajiet għandhom iwettqu l-istudji kollha meħtieġa, b’metodi mill-aktar xjentifiċi, mill-aktar fis possibli u li dawn l-istudji jkunu aċċessibli għall-pubbliku kollu. Dan jgħin sabiex ikun hawn deċiżjonijiet aktar infurmati u mibnija fuq il-fatti.
2. L-awtoritajiet jevalwaw bir-reqqa s-soluzzjonijiet, l-mezzi u t-tip ta’ konnettivita meħtieġa u l-aktar bżonnjuża sabiex ta’ bilħaq ittejjeb il-kwalita’ tal-ħajja ta’ min l-aktar ser jagħmel użu minn dan il-mezz ta’ transport permezz ta’ ppjanar strateġiku u fit-tul.

AGEM, għalhekk, tisħaq fuq il-bżonn ta’ diskussjoni aktar serja, matura u kostruttiva f’dan ir-regward għall-ġid kollu tas-soċjeta Għawdxija.