Knisja Lokali

Ċelebrazzjoni tal-festa liturġika ta’ San Publju b’purċissjoni fil-Floriana

Illum hija l-festa liturġika ta’ San Publju u l-Furjaniżi mhux biss se jiċċelebraw din il-festa b’quddies konċelebrata fil-Knisja Arċipretali ddedikata lill-istess qaddis, iżda wkoll b’dimostrazzjoni bl-istatwa li tirrapreżenta lil Publiju bħala prinċep żagħżugħ mat-toroq ewlenin tal-Furjana. Id-dimostrazzjoni mill-Assoċjazzjoni Publju ta’ Malta ser tkun akkumpanjata mill-banda.

Il-ġrajja ta’ San Publju tmur lura għal żmien il-miġja ta’ San Pawl f’Malta. Publju, bħala prinċep tal-gżira laqa’ għandu lil Pawlu u l-276 ruħ li ġew nawfragati fi gżiritna. Fl-Atti tal-Appostli jingħad li Pawlu fejjaq lil missier Publju li kien marid.

Skont it-tradizzjoni Pawlu ħalla lil Publju bħala r-ragħaj tal-komunità Nisranija f’Malta, u Publju wara, intbagħat Ateni bħala isqof fejn hemmhekk sofra l-martirju. L-imħabba lejn dan il-qaddis Malti tmur lura għall-aħħar perjodu tas-seklu 17, fejn minn hemm bdiet id-devozjoni lejn dan il-qaddis li kien l-ewwel ragħaj spiritwali ta’ Malta.

San Publju jiġi ċċelebrat b’solennità llum fil-parroċċa ddedikata lilu fil-Floriana u fir-Rabat (Malta) nhar il-Ħadd 27 ta’ Jannar.

San Publju flimkien ma’ San Pawl u Sant’Agata huwa qaddis protettur ta’ Malta.