Futbol Sport

Malta titlef l-ewwel konfront minn tnejn kontra l-Lussemburgu

Ritratt: MFA

It-team nazzjonali Malti ta’ taħt is-16-il sena, ilbieraħ lagħab l-ewwel konfront minn tnejn, ta’ partiti ta’ ħbiberija kontra l-Lussemburgu fis-Centenary Stadium.

It-team Malti sofra goal f’kull taqsima u ħareġ tellief bl-iskor ta’ 2-0. Kien Noah Rossler li poġġa lill-avversarji ta’ Malta fil-vantaġġ wara 20 minuta logħob filwaqt li Cedric Baiverlin aċċerta mir-rebħa fis-67 minuta bit-tieni goal għal-Lussemburgu.

Iż-żgħażagħ Maltin urew prestazzjoni tajba fit-tieni taqsima meta tqabbel mal-ewwel taqsima, iżda dan xorta ma kienx biżżejed biex isibu goal jew biex jieħdu xi ħaġa minn din l-ewwel partita bejn it-tnejn.

Iż-żewġ timijiet ser jiltaqgħu għada għat-tieni partita ta’ ħbiberija.

Bejn l-4 u t-8 ta’ Marzu, it-team immexxi minn Noel Turner ser ikun qed jilgħab kontra l-Albanija, id-Danimarka u l-Iskozja fil-UEFA Development Tournament li ser isir fis-Centenary Stadium.