Lokali

L-istorja xokkanti ta’ Janet u Russell Harvey

L-anzjana mietet fl-14 ta' Novembru u nżammet imgeżwra fis-sodda minn żewġha għal xhur

Janet Harvey, l-anzjana Ingliża ta’ 69 sena li nstabet mejta fis-sodda tagħha tard nhar it-Tnejn filgħaxija, kienet ilha mejta sa mill-14 ta’ Novembru li għadda, jiġifieri aktar minn tlett xhur, u bir-raġun kollu li l-kundizzjoni tal-ġisem tagħha llum hu fl-istadju ta’ mumifikazzjoni.

Russell Harvey, ir-raġel tal-anzjana li bħalissa qed jinżamm għall-kura fl-Isptar Monte Carmeli, iddeċieda hu li wara mewtha ma jinforma lil ħadd, inkluż lill-Pulizija u lill-awtoritajiet tas-saħħa, biex sussegwentement l-istess martu tkun tista’ tingħata l-aħħar tislima. Mhux biss, iżda kull darba li kien ikun mistoqsi minn xi ġirien jew ħbieb tal-koppja dwar kif kienet martu, hu dejjem kien jgħid li hi tajba u li tinsab id-dar.

Imma minn nofs Novembru ’l hawn u ftit wara li kienet għamlet operazzjoni f’riġlejha, hi qatt ma xirfet aktar barra mill-appartament tagħhom fi Triq San Luqa f’SanPawl il-Baħar.
Il-koppja, deskritti bħala dħulin u li jkellmu lil kulħadd, kienu jgħixu ħajja stil Ingliż. Ta’ kuljum imorru għal xi qatra f’wieħed mill-pubs fil-viċinanzi u mbagħad aktar tard filgħaxija jirritornaw lejn l-appartament, kultant ftit jew wisq imxenglin.

Il-koppja Harvey ma kellhiex tfal u fil-bidu tas-snin elfejn iddeċidiet li tiġi tgħix Malta. Dan kemm minħabba li kienet tħobb lil Malta, kif ukoll għaliex issa li kienu qed jikbru fl-età, raw li t-temp ta’ Malta kien ideali għalihom. B’pensjoni tajba t-tnejn li huma għaliex f’ħajjithom dejjem stinkaw u ħadmu – Janet Harvey kienet għalliema prima – huma ġew Malta u baqgħu jgħixu fl-appartament li issa hu ssiġillat mill-Pulizija.

Fl-aħħar ġimgħat inqata’ kull kuntatt bl-ittri bejn Janet Harvey u l-ħbieb tagħha fl-Ingilterra. Dan għokor għajnejn l-istess ħbieb ta’ Janet li fil-jiem li għaddew għamlu rikjesta formali mal-Kummissarju Għoli Ingliż f’Malta biex jieħdu sodisfazzjon dwar dak li kienet għaddiet minnu Janet Harvey.
Sadanittant il-ħbieb tal-Ingliża f’Malta bħal donnhom ma basru assolutament xejn, fis-sens li ħadd ma għaddielu minn moħħu li hi kienet mietet u qed tinżamm fl-appartament fejn kienet qed tgħix. Ġieli kien ikun hemm xi ħbieb jew ġirien li kienu jistaqsu għal Russell dwarha…iżda sodisfazzjon ma kienu jingħataw assolutament xejn għajr li hi kienet qed tistrieħ id-dar!

L-informazzjoni miksuba mill-Kummissjoni Għolja Ingliża f’Malta għaddiet għand il-Pulizija Maltija li allura bdiet bl-istħarriġ tagħha. Ingħatat ukoll l-indirizz preċiż fejn kienet tgħix il-koppja, iżda meta l-Pulizija marret tħabbat il-bieb tal-koppja ma kellha l-ebda tweġiba. Staqsiet ukoll lil xi ġirien li iżda kkonfermaw l-indirizz tal-koppja u biex jgħinu lill-Pulizija indikawlhom ukoll il-ħanut tax-xorb fejn ġeneralment kien ipoġġi Russell Harvey.

Il-Pulizija, tard nhar it-Tnejn filgħaxija, marret tfittex lil Russell u hemmhekk, fuq banketta u b’tazza birra quddiemu, sabitu kif indikat lilha. Meta kkonfrontat mill-Pulizija hu qal li martu kienet tajba u kienet qiegħda d-dar tistrieħ.

Hawnhekk il-Pulizija talbu lill-anzjan Ingliż biex imur magħhom id-dar biex huma wkoll iserrħu rashom billi jkellmu lil Janet Harvey. Kien hawnhekk li l-anzjan ġie dahru mal-ħajt u fi ftit ħin inkixfet din l-istorja xokkanti tal-mewt tal-mara tiegħu u kif hu żammha fuq is-sodda mejta mgeżwra fil-lożor u fil-kutri.

Kienet dehra mill-aktar xokkanti għall-pulizija li daħlu f’dan l-appartamenti. Milqugħa minn irwejjaħ xejn pjaċevoli, il-pulizija sabu xokk jistenniehom għaliex hekk kif inxtegħel id-dawl tal-kamra tas-sodda, fuq is-sodda sabu ġisem ta’ persuna fl-istat ta’ mumifikazzjoni. Janet Harvey kienet ilha tliet xhur u ftit jiem mejta fuq l-istess sodda, imgeżwra f’lożor u f’kutri ħoxnin.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija ssuktaw sa tard nhar it-Tnejn billejl u matul il-ġurnata tal-bieraħ. Bil-każ kienet infurmata wkoll il-Maġistrat tal-Għassa li ordnat li ssir awtopsja fuq il-katavru tal-mara. Hi ħatret numru ta’ esperti biex jgħinuha fl-inkjesta.

Sadattant matul il-ġurnata tal-bieraħ bosta ġirien staqsew lilhom infushom kif qatt seta’ kien possibbli li persuna ġara tagħmel tliet xhur mejta fir-residenza tagħha u ħadd minnhom ma jinduna jew jissuspetta xejn. Imma dawn is-suspetti kienu mxejna bid-dehra regolari – ta’ kuljum – ta’ Russell Harvey li ta’ kull filgħaxija kien imur dejjem għall-qatra u aktar tard jirritorna f’daru, kultant xurban.