Lokali

23 sena li għamlu differenza pożittiva għar-residenti fl-Iklin – Adrian Delia

23 sena ta’ Kunsill Lokali mmexxi minn maġġoranza Nazzjonalista fl-Iklin issarrfu f’differenza pożittiva b’risq ir-residenti.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt żjara oħra li qed jagħmel ta’ kuljum fil-lokalitajiet, fejn qed ikun jista’ jara b’għajnejh u jħoss b’idejh dak li jaraw u jħossu ta’ kuljum ir-residenti u l-komunità kummerċjali.

Fil-fatt, Adrian Delia nnota kif kienu ħafna dawk is-sidien tal-ħwienet li kkummentawlu pożittivament dwar l-ambjent li rnexxielu joħloq il-Kunsill Lokali fl-Iklin. Min-naħa tagħhom, residenti li tkellmu mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista fit-toroq, faħħru l-mod kif il-Kunsill qed jagħmel differenza pożittivament.

Fost l-oħrajn billi japplika u jgawdi minn fondi Ewropej, fost l-oħrajn anke fit-twettiq ta’ proġetti ta’ toroq u bankini. Barra minhekk, il-Kunsill jorganizza għadd ta’ attivitajiet, bħall-Festa Fjuri.

Akkumpanjat mis-Sindku, il-Kunsilliera u Kandidati tal-Kunsill Lokali, kif ukoll mill-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament David Agius, mid-Deputat Beppe Fenech Adami u mill-President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li b’dawn iż-żjarat qed ikompli jkollu l-okkażjoni jiltaqa’ mill-qrib man-nies biex jisma’ anke t-tħassib tagħhom.

Fost l-oħrajn dwar it-traffiku, li hi problema f’din il-lokalità wkoll, bir-residenti qed ikomplu jsibu ma’ wiċċhom sfidi kbar għall-parkeġġ. Kien għalhekk li l-Kunsill Lokali identifika siti fejn jistgħu jsiru parkeġġi, għalkemm il-Gvern baqa’ ma ta l-ebda risposta.

Adrian Delia temm billi qal li jemmen li s-soluzzjonijiet qegħdin hemm, u l-Kunsilli Lokali qed jagħmlu dak kollu possibbli…. iżda l-Gvern qed jibqa’ ma jimpenjax ruħu bla ebda mod.

Appella biex dan kollu jiġi indirizzat mill-aktar fis, filwaqt li tenna l-wegħda tal-Partit Nazzjonalista li jqiegħed din bħala waħda mill-prijoritajiet fil-lokalitajiet tagħna.