Edukazzjoni Lokali

FILMAT: Evarist Bartolo jaħrab milli jwieġeb meta se titlesta l-Iskola Primarja tal-Imsida

Suppost ilha li tlestiet, iżda l-permessi għadhom lanqas biss ħarġu u l-istudenti qed ikollhom imorru l-Iskola ta’ Santa Venera

Minkejja l-karbiet tal-ġenituri u l-wegħdiet tal-Gvern, il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo ħass li kellu jaħrab milli jwieġeb lil NET News dwar meta se titlesta l-Iskola Primarja tal-Imsida, li suppost kellha tinbena mill-ġdid.

Il-verità hi li lanqas għadhom ħarġu l-permessi għal dan ix-xogħol, tant li din l-Iskola ġiet skedata u l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada qed tappella għal din id-deċiżjoni.

Dan qed iwassal biex it-tfal Misidjani qed jintbagħtu fi skejjel oħra, fosthom f’Santa Venera, b’detriment ukoll għall-ġenituri li qed ikollhom imorru barra minn triqthom biex jiġbru lil uliedhom. Iżda l-Ministru wera li ma jinteressahx minn dan kollu.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni irrefera għall-istejjer ta’ NET News wara t-tħassib ta’ għadd ta’ ġenituri li għandhom lil uliedhom jistudjaw f’kontejners – jew kif sejħilhom il-Ministru Bartolo “pre-fabricated classrooms”.

Il-Ministru Bartolo kien iddefenda din id-deċiżjoni meta qal li din tal-kontejners hi xi ħaġa temporanja, għalkemm ilhom jintużaw għal mill-anqas tliet snin. U viżibbilment skomdu, għax jaf li l-Gvern m’għandux pjan fl-Edukazzjoni, il-Ministru ħarab milli jwieġeb mistoqsija intenzjonata li sserraħ moħħ il-ġenituri.

Ironikament, ħdejh waqt li konna qed nagħmlu l-mistoqsija kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima, li fil-passat kien ukoll Sindku Laburista fl-Imsida. Iżda minflok ma qabeż għall-Misidjani, hu wkoll tbissem għat-tweġiba xotta tal-Ministru tal-Edukazzjoni.

Sadanittant, il-Ministru Bartolo u s-Segretarju Parlamentari Grima kienu qed jakkumpanjaw lill-Prim Ministru Joseph Muscat għall-inawgurazzjoni ta’ Skola Primarja f’Marsaskala. Din l-Iskola kienet imwegħda minn Gvern Nazzjonalista qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013 u skont il-pjanijiet tal-Gvern immexxi minn Lawrence Gonzi kellha tinfetaħ propju din is-sena (ara stampa taħt).