Sport Sport Ieħor

Bernard Sammut ikompli jiddomina Klassi A fil-Kampjonat Enduro

(Ritratt: Mario Micallef)

Bernard Sammut kompla jiddomina Klassi A tal-Kampjonat Nazzjonali Wotomoto Enduro. L-attività li saret fil-Barriera tal-Ballut Blocks Limited limiti tan-Naxxar. B’kollox ħadu sehem 16-il kompetitur maqsuma f’erba’ klassijiet.

Sammut irreġistra l-aħjar ħin fil-pole position segwit minn Joseph Scicluna fuq KTM u Matthew Gauci fuq Beta. Sammut kompla tejjeb il-ħin tiegħu matul iż-żewġ heats uffiċjali u spiċċa rebbieħ b’ħin ta’ 11-il minuta 27.698 sekonda. Hu kien segwit minn Gauci li minkejja avvanza fil-heats spiċċa 16-il sekonda wara Sammut. Scicluna temm it-tielet fi 12-il minuta 37.376 sekonda.

Gabriel Mifsud fuq KTM rebaħ Klassi B fi 13-il minuta 57.282 segwit minn Aidan Camilleri fuq KTM u Rowen Bonello fuq Beta. Klassi Ċ ntrebħet minn Kurt Muscat fuq Yamaha fi 18-il minuta 12.560 sekonda. Hu spiċċa qabel Kyle Stone fuq KTM u Mario Gatt fuq Yamaha. Fil-Klassi Juniors, Julian Scicluna fuq Oset li jaħdem bil-batterija spiċċa qabel Antoine Muscat fuq KTM.

L-attività li jmiss minn dan il-kampjonat se ssir il-Ħadd 24 ta’ Marzu. L-attività tibda fl-10.00am bil-post jitħabbar aktar tard wara li jkunu ħarġu l-permessi neċessarji.

Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb fis-sit elettroniku tal-assoċjazzjoni www.asmk.org.mt, fil-paġna ta’ faceboook Assoċjazzjoni Sport Muturi Karozzi, b’kuntatt b’email fuq info@asmk.org.mt jew fuq 99425489.

Il-Ħadd issir l-ewwel edizzjoni tad-Demolition Derby tan-nisa

Intant il-Ħadd li ġej se tkun organizzata s-sitt attività mill-Kampjonat Nazzjonali Pasta Poiatti. L-attività tibda fl-10.00am u lejn it-tmiem, se tkun organizzata l-ewwel edizzjoni tal-Ladies Demolition Derby li mistennija tibda fit-3.00pm.

B’kollox se jkun hemm 10 kompetituri li daħlu għal din l-isfida. L-ASMK ħadet din l-inizjattiva bit-tama li jkun hemm aktar parteċipazzjoni femminili. Il-kompetituri se jkunu qed jikkompetu fuq karozzi mhux ikbar minn erba’ metri.

Tags