Kunsilli Lokali Lokali

RITRATTI: Xogħol bl-għaġla u b’nuqqas ta’ prekawzjoni fil-Floriana

Ix-xogħol li qed isir bl-għaġla minn Infrasture Malta f’numru ta’ lokalitajiet qed joħroġ aktar fil-beraħ hekk kif Triq Sarria fil-Floriana, li saret ftit ilu, se jkollha terġa’ ssir wara li x-xogħol ma sarx sew.

Bħalissa għaddej ukoll xi xogħol biswit din l-istess Triq, Triq San Tumas, it-triq tal-iskola Primarja fil-Floriana, fejn it-triq inqalgħet u saret bosta drabi iżda xorta waħda baqgħet fi stat ħażin għal numru ta’ xhur. Faċċata ta’ din l-iskola, waqt li kien qed isir għal darb’oħra x-xogħol, sfrondat it-triq għal ġibjun li hemm taħt l-iskola. Il-ħaddiema intant ħassew li quddiem l-iskola Primarja, l-unika prekawzjoni li tittieħed biex tagħlaq il-bokka tal-ġibjun kienet biss permezz tal-bollards tal-plastik.

Nies li tkellmu magħna qalulna li qisu x-xogħol qiegħed isir bl-għaġla, speċjalment f’lokalitajiet fejn hemm il-Kunsilli b’maġġoranza Laburista. Dan biex kollox ikun lest qabel l-elezzjoni tal-Kunsilli f’Mejju li ġej.

Fi stqarrija fl-aħħar jiem il-PN qal li pajjiżna għandu bżonn tfassil ta’ soluzjonijiet innovattivi li bihom it-toroq tagħna jservu għall-50 sena li ġejjin u mhux minhabba nuqqasijiet ta’ pjan tal-Gvern se jerġgħu jkollhom jinqalgħu mill-ġdid fi ftit taż-żmien ieħor. Ma jistax ikun li jibqa’ jkollna Gvern li jara biss sal-ponta ta’ mnieħru. L-għerf mhux kemm tonfoq flus, iżda li l-flus li se jintefqu fuq toroq ġodda jintefqu:

  • Fejn verament hemm bżonn li jsir x-xogħol;
  • Dawn x-xogħlijiet isiru bi pjan serju wara li jkunu saru li studji neċessarji;
  • Li jsir xogħol ta’ kwalità u tal-ogħla livell biex dan x-xogħol jitgawda fit-tul;
  • Kull fejn ikunu se jsiru xogħlijiet ta’ toroq, il-Gvern irid jagħmel l-almu tiegħu biex jiġu salvagwardjati u ndukrati s-siġar eżistenti u fejn hu possibbli jitħawlu siġar ġodda.
  • Għalkemm jeżistu bosta soluzzjonijiet, l-Gvern Laburista qiegħed jirrisolvi ruħu biss għal soluzjonijiet faċli, li għalkemm fl-immedjat jistgħu jagħtu riżultat, fil-futur qarib se jerġgħu jfeġġu l-problemi.