BLOGS

Bla Triq u Bla Mappa (139): 39 xahar ta’ ingann

Il-ġimgħa d-dieħla nagħlqu disa’ u tletin xahar minn meta l-maġġoranza tal-poplu Malti ġiet ingannata bi kliem sabiħ u b’wegħdi li baqgħu ma twettqux u vvutat għal bidla fid-direzzjoni u għal dik li Joseph Muscat kien wiegħed li kellha tkun Malta tagħna lkoll mibnija fuq il-pilastri tal-meritokrazija, il-kontabbilita’ u t-trasparenza. Illum nafu li dawn il-wegħdi, fost oħrajn li għamel Muscat, kienu ċajta goffa u kattiva. Il-poplu jirrejalizza li għandna gvern ta’ l-ingann u tal-ħabi.

Wegħda prinċipali li Muscat għamel qabel l-elezzjoni u li eventwalment rabat magħha l-futur politiku tiegħu, saret l-akbar ingann u l-akbar gidba tiegħu. Muscat wiegħed u assigura pubblikament, b’kompliċita’ ma’ sieħbu Konrad Mizzi llum Ministru bla portafoll, li erbatax ‘il xahar ilu – sentejn wara l-elezzjoni – kellha titlesta powerstation ġdida. Muscat u Mizzi għamlu din il-wegħda l-akbar waħda tagħhom. Saħansitra, sena wara l-elezzjoni f’intervista fuq l-istazzjon nazzjonali, Muscat assigura li kien “konvintissmu” li l-powerstation tkun lesta u kkonferma – għax qal li jżomm kelmtu – li kien jirriżenja jekk ma titlestiex.

Is-sentejn mill-elezzjoni għaddew, il-powerstation ma tlestitx u Muscat, kontra dak li ddikjara pubblikament, ma rriżenjax. L-ingann ta’ Muscat ma jieqafx hawn. L-ingann tiegħu la għandu bidu u lanqas tmiem għax, wara li għaddew is-sentejn meta l-powerstation suppost kellha tkun lesta, ċaħad li rabat il-pożizzjoni tiegħu ta’ Prim Ministru mat-tlestija tagħha – u dan minkejja li kien iddikjara pubblikament li jagħmel hekk. Joseph Muscat inganna meta qal li l-powerstation kienet on track biex titlesta sa Marzu 2015 u li jirriżenja jekk dan ma jseħħx. Mhux talli għadda Marzu 2015 u Marzu 2016, talli jidher li jonqos ħafna xhur oħra biex tkun lesta. Kif qatt tista toqgħod fuq dak li jgħid jew iwiegħed Muscat!

L-ingann ta’ Joseph Muscat dwar il-powerstation ikompli. Muscat, fl-aħħar Mass Meeting ta’ qabel l-elezzjoni, reġa elenka l-wegħdi ewlenin laburisti b’aċċenn partikolari dwar il-qalba mill-heavy fuel oil għall-gass u t-tlestija tal-powerstation. Fakkar fil-wegħda li l-Labour fil-gvern kien se jinvesti f’teknoloġija ġdida u l-qalba għall-gass. “Il-qalba għal sistemi jaħdmu bil-gass tkun tfisser li f’pajjiżna jispiċċa l-użu tal-heavy fuel oil, iż-żejt li jħammeġ l-ambjent l-aktar” insista Muscat.

Żied li “il-powerstation eżistenti hija l-kawża prinċipali ta’ ħafna mard tal-ażżma u tal-kanċer … hija fabbrika tal-kanċer li, għal raġunijiet ta’ saħħa, għandha tingħalaq tkun xi tkun l-ispiża. Ma rridx inkun naf b’tifla waħda jew b’tifel wieħed li qabdu kanċer jew marad bl-ażżma għax jien ma nkun għamilt xejn u ma biddiltx il-powerstation biex taħdem bil-gass”. F’ittra tat-18 ta’ Jannar 2013 lir-residenti, Muscat saħaq “Fejn tidħol saħħitkom, għalina m’hemmx kulur politiku”.

L-elezzjoni għaddiet u Muscat sar Prim Ministru. Muscat inganna meta qal li l-powerstation tal-BWSC kienet fabbrika tal-kanċer u, fuq kollox, inganna meta wiegħed li jaqlibha mill-heavy fuel oil. Addio l-“fabbrika tal-kanċer”. Addio t-twerwir lir-residenti li “il-powerstation eżistenti hija l-kawża prinċipali ta’ ħafna mard tal-ażżma u tal-kanċer”.

Addio li “ma rridx inkun naf b’tifla waħda jew b’tifel wieħed li qabdu kanċer jew marad bl-ażżma”. Għaddew kważi disa’ u tletin xahar u baqa’ jintuża l-Heavy Fuel Oil u, skont ma jintqal, se nkomplu nużawh għal aktar żmien. Muscat werwer u nganna lir-residenti tan-naħa ta’ isfel ta’ Malta biex serqilhom il-vot. Disa’ u tletin xahar ta’ ingann.

39 xahar ta’ ħabi
Kważi sena ilu l-Gvern iddikjara li fil-ħniena tiegħu ried juri li l-poplu Malti kiber u ried jirrikonoxxih ta’ adult u jittrattah bħala adult. Il-ministru Owen Bonnici qal dan meta ħabbar li se jressaq abbozz ta’ liġi li, fost ħwejjeġ oħra, jippermetti li f’pajjiżna jiftħu ħwienet tal-pornografija. “L-adulti għandna nittrattawhom ta’ adulti u għandhom dritt jaraw dak li jridu jaraw” stqarr Bonnici.

Dan hu ingann ieħor tal-gvern ta’ Muscat. Filwaqt li fuq naħa għandna lil Owen Bonnici jgħid li l-poplu hu adult biżżejjed biex ibiegħ, jixtri u jkollu dritt jara l-pornografija, fuq in-naħa l-oħra għandna Gvern – li Owen Bonnici jifforma parti minnu – li ma jittrattax lill-poplu ta’ adult billi jcaħħdu informazzjoni dwar numru ta’ ftehim li l-Gvern iffirma f’ismu.

F’għajnejn il-Gvern ta’ Muscat, il-poplu hu adult biex jixtri u jara l-pornografija iżda mhux adult biżżejjed biex jara u jsir jaf, fost oħrajn, klawsoli mportanti mill-kuntratt ma’ Henley & Partners dwar il-bejgħ taċ-ċittadinanza, il-ftehim mas-sidien tal-Cafe Premier li għalih il-poplu ħallas €4.2 miljun, il-ftehim ma’ SOCAR dwar il-hedging, il-ftehim ma’ Shanghai Electric dwar l-enerġija, il-ftehim mal-kumpanija Autobuses de Leon dwar it-trasport pubbliku, il-ftehim mal-iżvilupattur Ġordaniż dwar il-bini ta’ dik li Muscat jirreferi għaliha bħala l-universita amerikana f’Taż-Żonqor (li la hi universita’ u lanqas ma hi amerikana).

Filwaqt li l-poplu qed iħallas biz-zalza, il-poplu – f’għajnejn Muscat – mhux adult biex ikun jaf għal xhiex qed iħallas. Disa’ u tletin xahar ta’ ingann u ħabi.