Lokali

BLOG: Il-Pulizija tindirizza konferenza tal-aħbarijiet fuq il-qtil doppju f’Tas-Sliema

F’dawn il-ħinijiet, il-Pulizija qed tindirizza l-midja b’rabta mal-aħħar żviluppi mal-qtil doppju li seħħ f’Tas-Sliema bħal-lum ġimgħa u l-arresti li saru llum fil-Furjana fuq dan il-każ.

Tistgħu ssegwu LIVE permezz tal-paġna ta’ Facebook ta’ NET News.

19:24 – Fil-vettura nstab apparat elettroniku, il-Pulizija ssejjaħ l-EOD fi ħdan il-Forzi Armati biex tistabilixxi jekk kienx hemm xi splussiv. Dan l-apparat issa ġie elevat mill-Pulizija għal aktar stħarriġ.

19:21 – Il-Kummissarju jgħid li s’issa ma nstab l-ebda deheb li seta’ instab mir-residenza imma nġabru oġġetti li qed jiġu vverifikati r-rilevanza tagħhom fil-każ.

19:18 – Iż-żewġ persuni l-oħra jidher li ma kellhomx rabta mal-omiċidju iżda qed jinżammu talli ħbew il-persuna arrestata.

19:16 – Qabel ma ttieħed il-lock up tal-Pulizija, is-suspettat ilmenta li kellu uġiegħ fi snienu u ttieħed il-poliklinika tal-Furjana għall-eżami mediku. Wara li ġie aċċertat li kollox sew, ipproċedew bl-arrest.

19:15 – Waqt l-arrest intużaw 4 flash banks, bil-għan li tiddiżorjenta l-persuni fil-post. Huma biss ħsejjes ta’ diżorjentazzjoni.

19:14 – Waqt l-arrest, ittieħdu l-prekawzjonijiet kollha b’ilbies ta’ virtual vests kif ukoll il-Pulizija kienu armati. Il-Pulizija ħatfet arma tan-nar minn id is-suspettat fil-ħin tal-arrest. Din l-arma qed tiġi analizzata b’rabta mat-tiri li ġew sparati u li nstabu fuq il-post tar-reat.

19:12 – Wara li l-Pulizija sabet il-vettura, dan is-suspettat waqaf jirrapporta fl-Għassa meta kellu obbligu li jagħmel dan b’Ordni tal-Qorti.

19:11 – Is-sejba saret f’post fi Triq San Franġisk u hemmhekk kien hemm 2 persuni oħra, b’wieħed minnhom jinżamm mill-Pulizija.

19:10 – Ix-xogħol sar minn dipartimenti varji, fosthom dak tar-Reati Maġġuri u tal-Omiċidji. Fl-arrest kien hemm l-assistenza mit-Taqsima tal-Interventi Speċjali u tad-dipartiment forensiku.

19:09 – Meta l-Pulizija skopriet fejn is-suspettat kien qed jgħid, sar l-arrest wara mandat maħruġ mill-Maġistrat inkwirenti Ian Farrugia.

19:07 – Fis-1.30pm illum, il-Pulizija pproċediet bl-arrest ta’ persuna barranija, li għażel li ma jsemmix ismu għax prekluż milli jagħmel dan. Dan sar grazzi għall-investigazzjonijiet forensiċi u l-Pulizija segwiet il-passi tas-suspettatt ewlieni.

19:06 – Il-vettura instabet bi pjanċi differenti u fiha kien hemm oġġetti relatati max-xena tar-reat fosthom ħwejjeġ, propjetà li ttieħdet minn fuq il-post kif ukoll il-pjanċi li dehru fuq il-vettura, kif ukoll 2 repliki t’armi tan-nar, AK47 u Thomson.

19:05 – Wara ġranet u ljieli ta’ investigazzjonijiet, il-Ġimgħa għall-ħabta tal-9.45pm instabet il-vettura Tiguan ipparkjata ġewwa l-parkeġġ tal-RMF f’G’mangia.

19:04 – Għadu qed jiġi stabbilit x’insteraq iżda jaf insterqu xi deheb minn fuq il-vittmi. Allura qed jiġi kkunsidrat bħala serqa għalissa.

19:03 – Fl-omiċidju ntużat karozza tat-tip Volkswagen Tiguan u li kienet bi pjanċi misruqin. Il-vettura kienet irrappurtata misruqa sentejn ilu mill-Gżira.

19:01 – Dakinhar kien hemm 6 tiri ta’ pistola ta’ 9 milimetri. Macjeowski inqatel b’ tir ġo moħħu. Pandolfino kellu 3 tiri, tnejn f’sidru, wieħed f’rasu. Jidher li kien hemm tir li ma laqat lil ħadd u tir ieħor li laqat id-deheb li kellu fuq għonqu.

19:00 – Il-konferenza tal-aħbarijiet hija indirizzata mill-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafa.