BLOGS

Fatti li ma nistgħux ninsew

Kuntrarju ta’ dak li jrid jagħti x’jifhem il-Partit Laburista, jiġifieri li l-poplu jinsa u jieqaf jitkellem dwar l-iskandlu tal-Panama, fil-verità hemm numru ta’ fatti u fatturi li ma nistgħux ninsewhom.

Ma nistgħux ninsewhom għaliex jirriflettu s-sitwazzjoni li għandna llum f’pajjiżna. Ħafna esponenti tal-Partit Laburista ppruvaw jagħtu l-impressjoni li bir-reshuffle, Joseph Muscat għalaq il-kapitlu tal-iskandlu tal-Panama, iżda fl-opijnoni tiegħi, mhux talli m’għalqux, talli żied it-tħassib tal-poplu għaliex ħalla ħafna mistoqsijiet mhux imwieġba, u magħhom żdiedu numru ta’ mistoqsijiet dwar l-għaġir tal-Prim Ministru stess.

Konrad Mizzi għadu Ministru
Għadu Ministru u kif. Minkejja li fuq il-karti jidher li hu Ministru bla portafoll, il-Prim Ministru stess saħaq li xorta waħda Konrad Mizzi se jibqa jieħu ħsieb proġetti dwar l-enerġija.

Dan ifisser li wara li xeba’ jħawwad fil-borma, issa se jkompli jħawwadha. Apparti dan, l-enerġija, s-settur kontroversjali wara dan l-iskandlu, se taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Prim Ministru – l-istess Prim Ministru li b’insult lejn l-intelliġenza tal-poplu, ħalla lil Konrad Mizzi jopera bħalma kien qabel.

Dan bħal meta jkollok karozza li qed ittik il-problemi, u minflok tibdilha kull ma tagħmilla hu li tneħħila t-tabella biex mingħalik ma tidhirx li hi karozza … dak li għamel Joseph Muscat – minflok indirizza l-problema, ipprova jagħti l-impressjoni li l-problema m’għadhiex teżisti.

Bla portafoll
Xi jfisser bla portafoll? Dan ifisser li m’għandux responsabbilitajiet diretti. Mela allura, meta tkun Ministru bla portafoll ifisser li: jew m’għandekx xogħol ministerjali u allura qed titħallas minn flus il-poplu ta’ xejn; jew inkella, ma tkunx assenjat fuq settur partikulari iżda tista’ tkun influwenti fuq kull settur. Fl-opinjoni tiegħi, minkejja li Joseph Muscat ipprova jagħti l-impressjoni li Konrad Mizzi m’għadux b’saħħtu fil-Kabinett, fil-verità s-saħħa ta’ Konrad Mizzi kibret u kibret sew.

Dan għaliex issa Konrad Mizzi jista’ jkun involut f’ferm aktar setturi mingħajr ma jkun direttament responsabbli minnhom – dan ifisser li Mizzi jista’ jbill subgħu f’kull qasam mingħajr ma ismu jkun abbinat mal-proġett direttament. Mod ieħor ta’ kif Joseph Muscat qed jinsulta l-intelliġenza tal-poplu. Iżda l-poplu tgħallem u jirraġuna, u kulħadd induna bil-manuvra qarrieqa ta’ Joseph Muscat.

Ma ħax deċiżjoni
Joseph Muscat, b’differenza ta’ dak li qed jippruvaw jgħidu sħabu, ma ħax deċiżjoni. Ir-reshuffle kien biss manuvra biex jipprova jikkontrolla d-danni lill-Partit Laburista. X’għamel? Ta l-impressjoni li neħħa lil Konrad Mizzi iżda effettivament tah aktar saħħa b’inqas kontabbiltà u allura żamm lil Konrad Mizzi kuntent – dan ikompli jżid mat-tħassib dwar għaliex qed jagħmel minn kollox biex jara li Konrad Mizzi jinżamm kuntent?

Min-naħa l-oħra, daħħal fil-Kabinett nies li jaf li jekk ma jikkuntentahomx jistgħu joħolqulu xi problema f’dawn is-sentejn li ġejjin għaliex ikomplu jitilfu l-lealtà li għandhom lejh. Manuel Mallia qatt ma kien se jkun kuntent jekk ma jispiċċax il-leġiżlatura bħala Ministru, filwaqt li Josè Herrera, li tant ilu fil-Parlament, ra nies ġodda jiġu warajh u jaqbżuh fil-ġerarkiji tal-pajjiż. Allura ma setax ma jarax li lil dawn it-tnejn jgħamilhom kuntenti, u b’hekk sabilhom posthom fil-Kabinett. Imbilli nkomplu nżidu mal-ispiża rekord tal-Kabinett?

L-aqwa li kollha jkunu kuntenti u ma jkunux ta’ xkiel għal Joseph Muscat.

Il-mentalità ta’ Joseph Muscat hi ċara – l-ewwel hu, il-pajjiż jiġi sekondarju. Lest ikompli jagħmel il-ħsara lil pajjiżna, basta l-iskopijiet tiegħu jintlaħqu. Imma x’inhuma dawn l-iskopijiet?