BLOGS

Gvern li jaħrab mir-realtà

Joseph Muscat kien qal li jrid ipoġġi lil Malta fuq il-mappa, imma l-Gvern tiegħu rnexxielu jitfa’ lil Malta fuq mappa li ħadd ma jieħu gost li qiegħed fuqha – il-mappa tal-Panamapapers.

Illum pajjiżna hu mmexxi minn gvern li qed jaħrab mir-realtà. Filwaqt li kulħadd hu konxju tal-gravità tas-sitwazzjoni li ġabuna fiha Konrad Mizzi u Keith Schembri, il-Prim Ministru jibqa’ għaddej qisu xejn mhu xejn. Aġir li aktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar iħalli lill-poplu skantat bl-irrelevanza tal-Prim Ministru anke f’sitwazzjoni tant gravi li qed tagħmel ħsara kbira lil Malta.

Ir-realtà hi li kien hemm aġir mill-iktar irresponsabbli mill-aktar ministru qrib ta’ Joseph Muscat, li minħabba fih, Malta u l-Unjoni Ewropea qegħdin fl-aħbarijiet internazzjonali għaliex kien involut fl-iskandlu tal-Panama. L-uniku Ministru ta’ pajjiż fl-Unjoni Ewropea involut f’dan l-iskandlu kellu jkun Malti – Konrad Mizzi.

Joseph Muscat kien qal li jrid ipoġġi lil Malta fuq il-mappa, imma l-Gvern tiegħu rnexxielu jitfa’ lil Malta fuq mappa li ħadd ma jieħu gost li qiegħed fuqha – il-mappa tal-Panamapapers.

X’qed iħoss il-poplu…
Il-poplu qed iħoss rabja u ingann għaliex dak il-gvern li kellu jkun l-aqwa fl-Ewropa qed juri li hu l-iktar inkompetenti u qarrieqi fl-Ewropa. Meta għandek ministru responsabbli mill-akbar kuntratti tal-pajjiż, liema kuntratti nżammu sigrieti, li jiftaħ kumpanija sigrieta fil-Panama bl-iskop ikun li tilqa’ fiha senserija, dan awtomatikament għandu jiġbed l-attenzjoni tal-Prim Ministru.

F’pajjiż normali hekk jiġri, iżda għal xi raġuni hawn Malta rajna bil-kontra. Il-poplu hu urtat għaliex il-Prim Ministru ma ħa l-ebda azzjoni kontra Konrad Mizzi u Keith Schembri. Mhux talli hekk, imma talli f’diversi okkażjonijiet, ipprova jiddefendi l-indifensibbli u prova jiġġustifika l-inġustifikabbli. Ipprova jagħti l-impressjoni li Mizzi u Schembri m’għamlu xejn ħażin, iżda l-poplu jaf li dan mhux il-każ. Il-poplu jaf li anke jekk il-kumpaniji ma fihomx flus, dan ġara biss għaliex inqabdu.

Il-poplu jaf li ħadd ma jiftaħ kumpanija fil-Panama, marbuta b’segretezza assoluta, biex iżommha vojta. Il-poplu għandu moħħ, u min għandu moħħ jirraġuna, u min jirraġuna jaf li Konrad Mizzi u Keith Schembri kellhom jirriżenjaw, u jekk ma jagħmlux hekk, allura kien id-dover tal-Prim Ministru li jkeċċihom. Qed ngħid ‘kien’ għaliex issa tard wisq biex Joseph Muscat ikeċċihom. Issa, tmien ġimgħat wara, Joseph Muscat ħati daqshom fil-ħsara li saret lil pajjiżna.

…u x’qed jagħmel il-Gvern
Assolutament xejn! U dan ħareġ ċar mid-diskorsi fil-Parlament waqt id-dibattitu meta ssejjaħ vot ta’ sfiduċja. Għandna Gvern maqtugħ kompletament mir-realtà. Id-deputati tal-Gvern, minflok indirizzaw l-ikbar skandlu li qatt ħakem lil pajjiżna, iddeċidew li jinjoraw dan kollu u jkomplu jgħidu li m’hemm xejn ħażin – għaliex min ma jikkundannax ikun qed japprova.

Għandna Prim Ministru li filwaqt li l-Oppożizzjoni bdiet tisħaq fuq il-gravità tal-iskandlu tal-Panama li daħħluna fih primarjament Konrad Mizzi u Keith Schembri, u issa Joseph Muscat bin-nuqqas t’azzjoni, il-Prim Ministru għażel it-triq tal-attakki – attakki li ma jagħmlu xejn ħlief jippruvaw jiddevjaw l-attenzjoni minn fuq dan il-gvern mifni fi skandlu ta’ korruzzjoni. Attakki, ħafna minnhom pwerili u li ma jagħmlux sens, iżda meta tkun fi stat ta’ paniku, tipprova taqbad mal-inqas tibna – u dak li għamel il-Prim Ministru fil-Parlament.

L-għajta tal-poplu
L-għajta tal-poplu hi biex il-Prim Ministru jaġixxi ta’ Prim Ministru. Prim Ministru mhux qiegħed hemm biex jidher quddiem il-kameras u jattendi l-attivitajiet. Prim Ministru qiegħed hemm biex jieħu d-deċiżjonijiet u f’mumenti ta’ bżonn ikun preżenti biex jerfa’ r-responsabbiltà li l-poplu tah u jara li tittieħed l-aħjar deċiżjoni għall-ġid tal-pajjiż.

F’dawn l-aħħar tmien ġimgħat, Malta kienet mingħajr Prim Ministru, għaliex min mhux kapaċi jieħu deċiżjoni quddiem skandlu bħal dak tal-Panama, mhux denju tal-kariga li jokkupa u tal-fiduċja li ngħatatlu.