BLOGS

“Ħajja għolja infern”

Hekk kien jismu artiklu tajjeb fit-Torca jumejn ilu. Miktub minn Charles Miceli, persuna li ma nafux iżda li jidher sew kemm għandu kuxjenza soċjali tbaqbaq qawwija fih fid-diversi artikli li jikteb kull ġimgħa.
Jgħid kif illum hawn madwar 55,000 persuna li ma jaffordjawx ikla sura kull jumejn. Kiteb hekk: “minkejja li l-ikel għola bejn wiehed u ieħor b’4% kull sena għal dawn l-aħħar erba’ snin, ma nafx tidħaqx jew tibkix meta tisma’ xi stqarrija uffiċjali tgħidilna li l-ħajja kważi kważi qed torħos u mhux togħla”

Hekk hu. Hekk wera l-istħarriġ xjentifiku tal-Caritas ftit ġimgħat ilu u hekk ilna ngħidu aħna fil-Partit Nazzjonalista. Ħafna mill-ilmenti li n-nies jaqsmu magħna fid-djar tagħhom hu proprju l-għoli tal-ħajja u din l-aktar li nisimgħuha hu mill-anzjani jew dawk li jkollhom jixtru l-mediċina u jgħixu bl-għajnuna soċjali. Kull meta nsemmgħu din il-karba tan-nies, jgħidu li aħna negattivi. Iriduna mmeru s-sewwa magħruf.
Ngħidha bla tlaqliq. Il-Partit Nazzjonalista għamel sew, issa aktar minn qatt qabel taħt it-tmexxija ta’ Simon Busuttil, li jagħmel l-għażla preferenzjali favur dawk l-aktar fil-bżonn, favur dawk li huma fix-xifer tal-faqar u tas-soċjetà. Kif wera Simon Busuttil fid-diskors tiegħu Fuq il-Fosos ftit jiem ilu, qalbna trid tkun mal-ħaddiema ż-żgħar u ma’ dawk li jaqilgħuha u jikluha.
Għalhekk Gvern ġid Nazzjonalista jreġġa’ lura t-taxxa fuq il-faqar u jbaxxi għal li kienet il-kera li żied Muscat għal dawk li jgħixu fl-akkomodazzjoni soċjali. Hemm min, sentejn ilu, minn €26 fis-sena għal żewġt ikmamar żgħar li hu jikri mill-Housing għamluhielha €196 fis-sena meta hi tgħix bir-relief.

Gvern ġdid Nazzjonalista jżid is-sussidju lil dawk il-familji li jikru mill-privat. Kif jista’ xi ħadd li jgħix bil-minimum wage iħallas €400 fix-xahar kera kif qed jiġri llum għax il-Gvern qed jippreferi lis-sinjur fuq il-fqir?
Gvern ġdid Nazzjonalista jgħolli l-pensjoni biex l-anzjani ma jibqgħux f’sitwazzjoni li ma jlaħħqux sal-aħħar tax-xahar.
Gvern ġdid Nazzjonalista jneħħi t-taxxa tad-dħul minn fuq il-pensjoni. Din hi miżura mill-aktar ġusta u tgħin mhux ftit lil eluf kbar ta’ anzjani.

Gvern ġdid Nazzjonalista jirrevedi t-taxxa li jħallsu l-anzjani fuq id-dividends li jirċievu mill-investimenti li jkunu għamlu f’shares.
Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti l-mediċini kollha lill-anzjani b’xejn. Trid tispiċċa darba għal dejjem li l-marid irid jitkarrab għand il-Community Chest Fund għal mediċina li tista’ ssalvalu ħajtu. L-€4 miljun li dan jiswa fis-sena, kieku għandna Gvern għaqli u ġust, u mhux ħali mal-Cafè Premier u Gaffarena, jonfoqhom fejn suppost u mhux iberbaqhom kif għamel.
Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti ċ-childcare b’xejn lil kulħadd, inkluż lil dawk l-ommijiet li ma jaħdmux.
Dan u aktar irridu nagħmlu biex ngħinu lil dawk l-aktar fil-bżonn jgħixu ħajja aħjar. Dan mhux xi pjaċir. Dan dmirna u dawk li jgħixu fil-faqar u fil-bżonn jistennewh bi dritt.

Basta jkollna Gvern li għandu qalbu maż-żgħir u mhux infatwat bil-miljunarji tal-qalba ta’ gewwa.