BLOGS

Ħaqqu li l-poplu jiċħdu

X’għandhom komuni dawn il-ġrajjiet li seħħew f’pajjiżna f’dawn l-aħħar 40 xahar?
● Il-Prim Ministru jwaqqa’ l-kawża tal-Gvern kontra l-Partit Laburista dwar Australia Hall u b’hekk il-Partit Laburista jiggwadanja €10 miljun.
● Il-Prim Ministru jaħtar lil Cyrus Engerer bħala rappreżentant tiegħu fi Brussel minkejja li għandu kundanna ta’ sentejn ħabs fuq rasu.
● Jitneħħa l-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo li ried jieħu passi li l-Gvern ma riedx li jittieħdu biex illum għandna l-ħames Kummissarju tal-Pulizija fi żmien tliet snin.
● Il-Prim Ministru jawtorizza ħlas ta’ €4.2 miljun lill-kerrej ta’ Cafè Premier biex jieħu lura proprjetà tal-Gvern minkejja li l-Gvern kellu dritt jieħu lura l-proprjetà bla ma jħallas xejn. Anki l-Awditur Ġenerali sab li l-affarijiet ma sarux sew.
● Il-Gvern jinqabad fl-iskandlu ta’ Strada Zekka fejn biex akkwista nofs dar li ma kellux bżonn ħallas lil Martin Gaffarena somma flus u proprjetà magħżula minn Gaffarena stess ferm akbar mill-valur tal-proprjetà mixtrija u għamlu miljunarju mil-lum għal għada.
● Il-Ministru Konrad Mizzi jtellef lill-pajjiż mal-€14-il miljun bi ftehim dwar hedging għaż-żjut li għamel mal-Ażerbajġan.
● Il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri jinqabdu li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama ftit ġimgħat wara li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni ġenerali meta kienu diġà ffurmaw parti mill-Gvern il-ġdid.
● Il-Prim Ministru jibqa’ jiddefendi lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri anki wara li sar magħruf li dawn ippruvaw jiftħu kontijiet bankarji f’diversi pajjiżi u saħansitra ordna lid-Deputati Laburisti jivvutaw kontra mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru Konrad Mizzi meta din ġiet għall-vot fil-Parlament.
● Il-Gvern jibda jbiegħ iċ-ċittadinanza Maltija lill-barranin li ma għandhom ebda rabta ma’ pajjiżna.
● Il-Gvern ibigħ art verġni fiż-Żonqor bil-ħbub, lil investitur mill-Ġordan minkejja protesta nazzjonali kontra dan il-bejgħ.
● Il-Gvern iwebbes rasu fil-bini ta’ power station ġdida li l-pajjiż ma għandux bżonn bil-konsegwenza li se jpoġġi f’periklu lin-nies ta’ Marsaxlokk u l-inħawi billi jpoġġi tanker ankrat b’mod permanenti fil-bajja, mimli bil-gass.
● Il-Gvern jonqos milli jippubblika kuntratti pubbliċi li jiswew il-miljuni kbar ta’ ewro, minkejja li sarulu diversi talbiet mill-Oppożizzjoni, il-ġurnali u l-imsieħba soċjali.
● Il-Gvern iwaqqa’ fit-tajn isem pajjiżna fil-fora internazzjonali, b’diversi deċiżjonijiet żbaljati li ħa fosthom b’nomini żbaljati ta’ persuni biex jokkupaw karigi fil-fora Ewropej.
● Il-Gvern jieħu diversi deċiżjonijiet li jolqtu ħażin l-ambjent b’mod partikolari billi jippermetti bini sfrenat u żvilupp li mhux sostenibbli.

Dawn huma ftit avvenimenti, li ftakart fihom bla ma fittixt fir-rekords, li l-aktar li jispikka fihom hu li kienu kollha deċiżjonijiet żbaljati. Fil-parti l-kbira tagħhom meħuda mill-Prim Ministru u li sabu l-kundanna ta’ ħafna.
Saħansitra kien hemm Ministri fil-Kabinett ta’ Joseph Muscat u deputati fil-Grupp Parlamentari Laburista li esprimew ruħhom kontra wħud minn dawn id-deċiżjonijiet. Saret l-akbar protesta dwar l-ambjent li qatt saret f’pajjiżna. Kellna diversi riżenji minn karigi importanti, inkluż Segretarju Parlamentari.
U minkejja dan kollu, il-Prim Ministru jibqa’ għaddej. Ma jagħti kas ħadd u xejn. Basta jiddefendi u jaġevola lil dawk il-ftit ta’ ġewwa. Basta jiftaħar li dan hu Gvern li jisma’.
Niġġudikawh fuq il-fatti u mhux fuq il-paroli. U fuq il-fatti ta’ hawn fuq ma jgħaddix mill-eżami.
U ħaqqu li l-poplu jiċħdu.