BLOGS

Identity Malta jew indignity Malta?

Se nkompli fejn ħalliet Kristy Debono fil-Parlament din il-ġimgħa fejn għamlet talba serja ħafna – li l-Identity Malta tagħti rendikonti dettaljati dwar ix-xogħol tagħha fejn jidħol l-għoti taċ-Ċittadinanża Maltija skont l-iskema magħrufa bħala Individual Investor Programme.
Inżerta li fl-istess jum li qrajt ir-rapport dwar id-diskors ta’ Debono ħarġet l-aħbar li membru tal-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika tal-Vietnam tkeċċiet għax ma ddikjaratx qabel l-elezzjoni li hi kellha ċittadinanża doppja, xi ħaġa li mhix permessa fil-Vjetnam.
Nguyen Thi Nguyet Huong ġiet mogħtija ċ-Ċittadinanża Maltija u għal xi raġuni jew oħra din is-sinjura żammet dan il-fatt mistur u appena nqabdet, l-Assemblea ltaqgħet nhar ta’ Ħadd biex iddiskutiet din l-affari misterjuża. X’raġuni jista’ jkollha membru tal-Parlament Vjetnamiż li hi nvoluta bil-kbir fil-grupp tal-investimenti TNG Holdings Vietnam u fil-Hanoi Industry and Trade Association biex ikollha ċittadinanża Maltija. Min jaf? L-istampa lokali tal-Vietnam staqsiet l-istess mistoqsija. L-ebda tweġiba s’issa.
Li jinteressana hu l-fatt li hawn għandna persuna misterjuża li mid-dehra għandha xi ħaġa x’taħbi, b’motivazzjonijiet mhux magħrufa għala applikat għall-passaport Malti, u l-eżerċizzju magħruf bħala d-due diligence ma sab l-ebda oġġezzjoni għal din l-applikazzjoni meta hu magħruf li xi pajjiżi fosthom il-Vjetnam u ċ-Ċina ma jippermettux b’mod ġenerali li ċ-ċittadini tagħhom ikollhom żewġ ċittadinanżi.

Kliem sabiħ
Nistaqsu wkoll kif din il-membru Parlamentari Vjetnamiża sabet il-ħin biex tgħaddi sena residenti f’Malta qabel ma ngħatat iċ-ċittadinanża. Tgħid ingħatat il-vot ukoll bħal mijiet ta’ ċittadini Russi u oħrajn li jien u int ma nafu xejn dwarhom u li fil-prattika jekk jivvutaw kollha jkunu jistgħu jiddeterminaw min se jkun jiggverna fuqna fil-ħamis snin ta’ wara l-elezzjoni ġenerali.
Fil-paġni online ta’ Identity Malta ssibu ħafna kliem sabiħ dwar xogħolha. Il-funzjoni ta’ Identity Malta hi li b’sens ta’ dover tesegwixxi bħala amministrattur pubbliku materji relatati mal-passaport Malti u ma’ dokumenti dwar l-identità tal-persuni, materji relatati ma’ xogħol u residenza ta’ expatriates, ir-reġistrazzjoni ta’ artijiet u dokumenti pubbliċi u ma’ materji relatati mal-għoti ta’ status ċivili li jinkludi l-programm tal-investimenti individwali.
U tkompli hekk: Il-Programm ta’ Investiment Individwali hu maħsub biex jattira lejn Malta applikanti li huma disponibbli li jaqsmu magħna t-talenti tagħhom kif ukoll l-esperjenzi u xbieki ta’ komunikazzjoni tagħhom. Dawn ikunu suġġetti għal skrutinju rigoruż magħruf bħala due diligence biex ikun hemm garanzija li applikanti ta’ kondotta nadifa biss jiġu aċċettati permezz ta’ din l-iskema.
Mill-fatti li qed joħorġu fil-qrati Maltin sirna nafu li bejn il-kliem sabiħ online u fuq mezzi oħra ta’ komunikazzjoni u r-realtà hemm baħar x’tikkumbatti. Għala Identity Malta qed tinjora s-suppost kundizzjonijiet ta’ perjodu ta’ residenza qabel ma tingħata ċ-ċittadinanza?

Ċittadini Maltin abbużati
Għala, bħalma qalli persuna u talabni li nsemmieha f’dan l-artiklu, diversi residenti Matin qed jirċievu korrispondenzi indirizzati lil barranin b’kunjomijiet Russi u Ċiniżi, għax dawn it-talin suppost qed jokkupaw ir-residenza tagħhom? Għall-ewwel m’emmintx dak li kont qed nisma, iżda issa nafu kemm permezz ta’ dak li qed jinkixef fil-qrati taħt ġurament kif ukoll permezz ta’ kliem Kristy Debono fil-Parlament li dan kollu hu veru, jiġifieri ċittadini Maltin qed jiġu abbużati b’mod vili biex jinqdew barranin li ħadd ma jaf min huma.
Għala persuni barranin qed jingħataw il-vot bi ksur ċar tar-regolamenti elettorali? Min ta l-ordni lill-Identity Malta biex tikkommetti ruħha mal-prattiki elettorali? Ċittadini Maltin sofrew fiżikament biex dawn il-mal-prattiki elettorali jkunu xi ħaġa tal-passat. Iżda le, illum b’mod sfaċċat il-Kummissjoni Elettorali kellha tammetti fil-qorti li ħalliet ismijiet ta’ barranin jidhru fuq ir-Reġistru Elettorali mingħajr dokumenti veritjieri.
Għal darb’oħra qed ikollu jkun il-Partit Nazzjonalista biex jaġixxi b’mod ġust u b’mod demokratiku kontra dawn l-oxxenitajiet li qed tikkommetti l-Identity Malta mmexxija minn klikka Laburisti li qiegħda hemm biex isservi lil Joseph Muscat u l-Gvern Laburista. Tassew tal-mistħija.
Għala ma kellniex stqarrija ministerjali dwar dawn il-prattiki korrotti? Għala l-pulizija quddiem dawn l-iskandli tibqa’ ma tagħmel xejn? F’pajjiżi oħrajn l-uffiċċji tal-Identity Malta kienu jkunu suġġetti għal tfittix metikoluż u l-kbarat kienu jissejħu mill-pulizija biex jibdew investigazzjonijiet serji.

Inżidu l-ħidma
Quddiem dan ix-xenarju bħala partit rridu nżidu l-ħidma tagħna l-ewwel nett biex nikkonvinċu lill-elettorat li dawn l-iskandli qed iseħħu mhux b’kumbinazzjoni iżda bi pjani premeditati li jisirqu l-elezzjoni li jmiss, b’xi mod jew ieħor.
Meta kienet qed tiġi diskussa l-għoti taċ-ċittadinanża Maltija lill-barranin b’passaport Malti kien hemm min wissa li dik l-iskema kienet se tagħti lok għall-abbużi serji min-naħa tal-Partit Laburista. Joseph Muscat għandu n-nies tiegħu issa fejn għandu bżonnhom u se jużahom kif ikun jaqbel lilu.
Allura t-tieni dmir tagħna hu li nħarbtulu l-pjani diaboliċi tiegħu b’kull mod legali u politiku. Settembru u Ottubru jaslu, irridu nidħlu fl-istaġun politiku ġdid b’dimostrazzjoni oħra kontra l-korruzzjoni li daħlet kullimkien u li biddlet b’mod sistematiku l-Identity Malta f’Indignity Malta.