BLOGS

Il-fiduċja fil-politiċi

1. Fid-dinja u b’mod partikulari f’dik Ewropea hawn mewġa b’saħħitha li tixhed għal nuqqas ta’ fiduċja f’dawk li jiġu maħtura biex imexxu poplu u pajjiż. Min qiegħed isegwi dak li seħħ b’mod partikulari fl-aħħar elezzjonijiet Ewropej, qiegħed jara iktar votanti jaħarbu mill-kaxxa tal-vot u oħrajn jivvutaw kontra dawk li jissejħu l-partiti tradizzjonali. Hemm kurrenti ġodda li qed jitwieldu għal numru ta’ raġunijiet. Proprju għax hawn min qiegħed jidħol fil-ħajja politika u ma jkunx ippreparat. Kif ukoll għax min ikun ġab fiduċja juri li fl-għażliet, fil-mumenti tal-prova, ma jweġibx kif għandu.

2. Kull poplu, tagħna inkluż, iħares lejn dak li jkun għaddej. Forsi ma jagħtix ġudizzju immedjat. Jisma’, jgħarbel u wara jiddeċiedi. Biss l-eventi tal-aħħar xhur marbuta mal-kwistjoni tal-Panama sarrfu biex iktar bnedmin f’dawn il-gżejjer juru li dak li qed jiġri ma huwiex proprju għal qalbhom. Il-pajjiż għandu sens qawwi ta’ dak li huwa ġust u dak li ma huwiex, ta’ dak li huwa veru u dak li ma huwiex. Jippretendi sempliċement li min imexxi jkun onest u jimmira li jaħdem għall-ġid komuni. Meta jkun hemm sitwazzjonijiet fejn ikun hemm qbil ġenerali minn isfel li l-affarijiet huma żbaljati u meta min qiegħed fuq jibqa’ jiċħad, il-proċess ta’ deterjorament jikber.

3. Dak li qiegħed iseħħ hawn, diġà oħrajn rawh jitwettaq barra minn xtutna mingħajr suċċess ta’ xejn. Għalhekk saru sforzi differenti biex tiġi stabbilita linja differenti. Il-partiti l-ġodda fix-xenarju Ewropew bħal dawk taċ-Cinque Stelle fl-Italja, Podemos fi Spanja u Syriza fil-Greċja, qabdu metodi ġodda ta’ kif iġibu lura l-fiduċja tal-elettorat u fl-istess ħin ta’ rappreżentanza ġdida. Forsi ftit hawn li indunaw kemm il-mewġa għall-bidla hija b’saħħitha u kemm iktar għandek sejħa biex ikun hemm politika u politiċi iktar serji, onesti, preparati u lesti li jifhmu dak li huwa sewwa minn dak li ma huwiex.

4. Il-baħar fil-Gvern ta’ pajjiżna huwa preżentement f’dan aġitat ħafna. Hemm min qiegħed jipprova jaħseb u hemm min irid jaħrab mill-problema. Wieħed minn dawk li qiegħed jagħmel ħiltu biex ifiehem u fl-istess ħin jgħarbel tajjeb huwa l-Ministru Evarist Bartolo. Dan deher iktar ċar fl-aħħar konferenza annwali tal-Partit Laburista fejn il-messaġġi kienu jħarsu f’direzzjonijiet bejn dawk li jridu li kollox jibqa’ kif inhuwa u dawk li ma jridux min jaċċetta s-sitwazzjoni. Hemm il-Ministru Bartolo ġie rappurtat li qal: “God forbid people lose faith in us, as in the continental countries, which have been swept by extremist parties. We have to fight hard to retain people’s faith in us. Once we lose that it is very hard to regain it.”

5. Dan id-diskors fih żewġ kuntesti. Wieħed huwa mibni mill-qari u preparazzjoni politika Xellugija tiegħu. It-tieni huwa mwieled minn realtà li mhix se sseħħ fil-futur imma li diġà qiegħda sseħħ. L-impatt fuq id-dinja ta’ din is-sitwazzjoni li qed tipprova tiġi analizzata huwa qawwi ħafna iktar minn qabel. Dan għax ir-riżultat elettorali tal-2013 ġie interpretat mill-Partit Laburista fit-termini li dak kien biss eżerċizzju fit-tneħħija ta’ gvern preċedenti li huwa stess għen biex jiddemonizza. Mentri min ivvota b’daqshekk maġġoranza qawwija kien qiegħed fil-fatt jesprimi fiduċja. Waħda f’mexxej ġdid li kien qiegħed jibgħat il-messaġġ li se jaqta’ minn metodi passati, li għandu diġà toroq differenti lesti. Dik il-fiduċja li ġiet espressa speċjalment minn dawk li ma humiex segwaċi tal-Partit Laburista ġiet issa quddiem dan kollu traduta.

6. Din hija r-realtà. Li hija gravi għax il-ħsara li qiegħda ssir fit-tessut demokratiku qiegħda tinfirex. Mhux biss għax il-verità, il-ġustizzja u l-komportament onest u trasparenti qiegħed jiġi injorat imma għax ma hemmx min irid isegwi l-politika f’dak li qiegħda tiżviluppa. Is-suċċess ta’ partiti mhux tradizzjonali fl-Ewropa hu hekk għax biddlu l-metodu tal-komunikazzjoni u kabbru b’hekk il-fiduċja fihom. Laqatni dak li rajt xi żmien ilu dwar l-impatt tal-eks-Ministru tal-Finanzi Grieg Varoufakis fuq id-dinja tax-Xellug meta ngħad: “No other finance minister has ever used twitter as he did, to comment on events as if he weren’t really involved in them, no finance minister has been constantly reachable at their private email address or granted interviews to all and sundry, no other finance minister has recorded euro-zone negotiations on a smart phone.”

7. Hemm sejħa popolari biex il-politika taġġorna ruħha maż-żminijiet iżda iktar minn hekk li tifhem li l-poplu jibqa’ jrid dejjem nies li huma miegħu u li jkunu d-difensuri tiegħu. Dan jgħodd iktar għax il-partit fil-Gvern huwa wieħed oriġinarjament fuq ix-Xellug u parti mill-familja Soċjalista. Allura dak li għaddej illum f’dan il-pajjiż qiegħed iktar jibgħat messaġġ negattiv lill-elettorat. Flok hemm distribuzzjoni aqwa fil-ġustizzja hemm iktar ċar il-perċezzjoni li ta’ fuq qegħdin jgħixu f’dinja superjuri tal-allat Griegi. Sitwazzjoni li fakkritni f’dak li jiġi attribwit lil Kautsky minn Laclau: “Capitalist society advances towards an increasing concentration of property and wealth in the hands of a few enterprises; and a rapid proletarianization of the most diverse social strata and occupational categories is combined with a growing impoverishment of the working class.”

8. Dan qiegħed iġib antagoniżmu bejn il-poplu u dak li beda jiġi identifikat bħala xi forma ta’ kasta politika li qiegħda tiddomina. L-effetti ta’ dan il-ħsieb huwa wieħed li jwelled iktar aġitazzjoni u iktar bnedmin li ma humiex se jaċċettaw lill-klassi politika bħalissa fil-poter. Iktar u iktar meta l-każ huwa gravi u miegħu qiegħed jiżdied id-dewmien li qiegħed iktar jaggrava. Biss, għalkemm hemm nuqqas ta’ ċarezza, il-piż prinċipali qiegħed u jibqa’ fuq il-Gvern tal-ġurnata. Huwa hu li jrid għax għandu dan il-mandat iġib lura l-fiduċja fit-tmexxija politika. L-Oppożizzjoni f’dan ma għandhiex responsabbiltà tal-akkadut, anzi l-eventi qed juru li dmirha qiegħda bl-abbiltajiet għad-dispożizzjoni tagħha twettqu. Nistgħu nirreġistraw biss li l-proċess lura lejn il-fiduċja politika fil-mument nieżel iktar ‘l isfel u jista’ jinbeda lura jekk dak li għandu jsir, iseħħ malajr.