BLOGS

Il-Gwerra Qaddisa!

Aħbar li żgur ħasdet lil ħafna din il-ġimgħa kien l-att barbaru li seħħ fi Franza fejn qassis spiċċa maqtul brutalment f’nofs quddiesa minn ġellieda tal-ISIS.
Hu att li bla dubju ta’ xejn jkexkex lil kull min għandu sens ta’ ċiviltà u rispett lejn il-ħajja u mhux biss lil min hu Kattoliku. Att li hu barbaru minnu nnifsu għax jinvolvi l-qtil brutali ta’ persuna innoċenti iżda li jkompli jsir agħar minħabba li seħħ f’nofs knisja Kattolika waqt ċelebrazzjoni ta’ quddiesa fil-konfront ta’ qassis, rappreżentant dirett tal-Kattoliċiżmu. Att li bla dubju ta’ xejn il-moħħ warajh kellu l-għan li jqajjem it-tensjoni reliġjuża.
Fil-konfront ta’ att bħal dan ikun faċli li wieħed idur għal Iżlamofobija u jibda jgħaddi ġudizzju en masse fuq reliġjon sħiħa. Ikun faċli jidħol il-kunċett ta’ aħna u huma bl-huma tkun rappreżentattiva tal-għadu li rridu nissieltu kontrih. Fir-realtà tali tip ta’ mentalità tkun qiegħda biss twassal għall-konklużjoni tant mixtieqa minn dawk il-barbari li wettqu l-att brutali f’dik il-knisja fi Franza.

Mentalità ta’ firda
Dik it-tip ta’ mentalità, ta’ firda reliġjuża u intolleranza tad-differenzi tkun qiegħda biss tagħti rebħa lill-ISIS li fil-mira aħħarija tagħha għandha l-valuri tat-tolleranza, libertà u demokrazija.
Hu tassew li fil-konfront ta’ lista dejjem titwal ta’ atti moqżież ikun diffiċli niċħdu l-fatt li għandna għadu b’saħħtu, ‘kreattiv’ u krudili. Ikun żball fatali jekk niċħdu li hemm bżonn ta’ ħidma kollettiva biex niġġieldu kontra dan l-għadu u ngħelbu lil dan l-għadu. Ikun żball iżda jekk nassumu wisq malajr min hu l-għadu tassew.
L-għadu mhuwiex xi reliġjon partikulari iżda l-estremiżmu u r-radikalizazzjoni. Hu l-estremiżmu li jrid jiġi megħlub; estremiżmu li ma jagħmilx differenza bejn Kattoliku, Musulman, Lhudi jew ateu imma jilgħab biss bil-ħsieb ta’ min mhux parti mill-folla hu għadu. Ħsieb li fih m’hemm ebda rispett lejn il-ħajja u wisq inqas xi sens ta’ tolleranza.
Il-ġlieda kontra dan l-għadu trid tkun determinata, bi pjan ċar u konkrett u konxja li din mhijiex xi battalja bħalma kien jiġri fil-passat bejn territorju jew ieħor. Din hi battalja kontra idea, kontra kunċett u għalhekk teħtieġ strateġija differenti milli kien jiġri fil-passat.

Riskju politiku
Bla dubju ta’ xejn ma’ kull barbaru jiżdied ukoll ir-riskju politiku. Partiti tal-lemin estrem spiss qegħdin isibu l-ħajja aktar faċli elettoralment fl-isfond tal-biżgħa. Din l-art tkompli ssir aktar fertili meta mal-biżgħa tiżdied l-intolleranza u l-mibgħeda. L-istorja tgħallimna li l-politika ta’ iżolazzjoni u nazzjonaliżmu sfrenat ma’ toffrix protezzjoni iżda minflok isservi biss biex jikbru d-diviżjonijiet u r-riskji li jrid jikkumbatti magħhom pajjiż.
Fuq kollox, l-akbar reżistenza kontra l-barbariżmu nuruh mhux billi nsiru barbari aħna wkoll imma billi minkejja kollox nżommu sodi mal-valuri tagħna ta’ tolleranza, libertà u demokrazija. Nuru reżistenza billi ma nħallux l-għażliet politiċi tagħna jiġu dominati minn dawn l-atti barbari iżda minflok billi filwaqt li nżommu l-politika tagħna waħda mibnija fuq rispett u libertà nindirizzaw l-isfida tas-sigurtà b’mod sod li fl-istess ħin ma’ jnaqqar ebda mill-valuri fundamentali tagħna. Hu biss b’dan il-mod li nistgħu tassew ngħelbu t-terroriżmu.
L-għan tat-terroriżmu hu li jitterorizza u jikkundizzjona. L-imġiba tagħna fil-konfront ta’ atti terrur mill-aktar orribli dittermina jirbaħx jew le t-terrorist.