Lokali

Il-Konsultazzjoni ta’ Traqqigħ il-Pannu …

Il-frażi Gvern li Jisma’ llum saret waħda idjomatika fil-lingwa tagħna u tintuża aktarx bħala tifsira ironika għal Gvern li demokratikament huwa obbligat jisma’ lill-poplu imma ġeneralment jaġixxi xorta oħra. Lil hinn mit-tifsira ċatta tal-frażi, b’Gvern li Jisma’ nifhmu bi Gvern li jikkonsulta, li jieqaf jgħarbel is-sitwazzjonijiet wara l-konsultazzjoni qabel l-implimentazzjoni. Il-Gvern immexxi minn Joseph Muscat huwa sinonimu mal-konsultazzjoni li mbagħad ma tissarraf f’xejn.

Hekk hu, erġajna tlaqna bit-talba għall-konsultazzjoni dwar il-famuża white paper u l-proposta redikola tal-bdil tal-ħinijiet tal-iskejjel li heżżet lil dawk kollha li għandhom konnessjoni diretta jew indiretta magħhom.

Qgħadt lura milli nittratta dan is-suġġett għal ftit ġimgħat għal raġuni partikolari. Xtaqt qabel nikkummenta, nanalizza r-reazzjonijiet diversi li ħarġu qatta’ bla ħabel kontra din il-proposta partikolari. Biex inkun ċar, il-white paper fiha diversi proposti u suġġerimenti oħrajn, liema minnhom hemm uħud li tajjeb jiġu kkunsidrati serjament, imma li jinbidel il-ħin tal-iskejjel appuntu biex tissolva problema tat-traffiku hija insult lejn min verament jemmen li dan il-Gvern kellu roadmap fil-qasam tat-traffiku, jew għad-dirittura fl-edukazzjoni.

Għaldaqstant, wara ftit insegwi r-reazzjonijiet, wasalt għall-konklużjoni li dak li ktibt xhur ilu, meta għall-ewwel darba bdiet tissemma’ din il-white paper, hawnhekk fuq dan l-istess spazju u fuq l-istess ġurnal, illum jagħtini raġun biex inbiegħ. Dik il-ħabta argumentajt li l-Ministru Evarist Bartolo qiegħed jitfa’ idea li jaf li ma jistax jimplimenta, u għalhekk kien ikun bil-wisq aktar għaqli li kieku ma qgħadx jaħli ħinu taparsi jikkonsulta.

Għalhekk, nafferma li bqajt tassew sorpriż li wara l-ewwel reazzjonijiet inizzjarji, fosthom mill-Unjin tal-Għalliema l-MUT li dak iż-żmien mill-ewwel uriet il-pożizzjoni tagħha – dik kontra, bla dubju – din il-proposta tnediet għall-konsultazzjoni tal-pubbliku inġenerali. Ma kontx sorpriż iżda, li r-reazzjonijiet kienu tista’ tgħid, kollha kontra dak suġġerit, l-aktar minħabba s-sempliċi raġuni li jekk tkun ittieħdet din id-deċiżjoni mhux ser ikun qed ikollha wisq impatt edukattiv, imma altru minn hekk, biex tissolva problema tat-traffiku! Tassew li ssemmew l-attivitajiet extra-curricular qabel l-iskola, imma dawn biss biex jagħtu ċ-ċans lil kulħadd jasal l-iskola u għalhekk, mhux għal kulħadd, biex ma nsemmix in-nuqqas ta’ interess li dawn jistgħu jiġġeneraw hekk kmieni filgħodu! Fost dawk li wrew it-tħassib tagħhom, kien hemm Helen D’Amato, il-Kummissarju tat-tfal, il-Unjin tal-Għalliema l-MUT li mill-ġdid tat għadd ta’ raġunijiet validi kontra din il-proposta, l-SDM, edukaturi u fuq kollox u bil-wisq ta’ aktar importanza, diversi ġenituri, biex ma nsemmix survey online ta’ ġurnal indipendenti bl-Ingliż li żbilanċja din l-idea assurda għal kollox.

Li jimmeravlijani huwa l-ingann wara dan kollu min-naħa tal-Gvern. Ma kellhomx għalfejn ikunu l-Kummissarju tat-Tfal, l-MUT, l-SDM, il-ġenituri u l-edukaturi li jitkellmu fuq is-siti soċjali fost l-oħrajn biex il-Gvern jintebaħ li din il-proposta hija litteralment it-traqqigħ tal-pannu bil-qargħa, u allura wieħed jiddubita u jistaqsi: x’kien ser jieħu minn dan kollu l-Gvern? Sempliċi, lill-Gvern rajnieh jaħdem għal bosta drabi sabiex wara li jqanqal il-ħama, ikun hu stess li jsikktu wara l-konsultazzjoni pubblika. Dan rajnieh fil-każ tal-Università non-Amerikana taż-Żonqor, li minkejja naqas milli jisma’ mill-ambjentalisti u seraq eluf kbar ta’ ODZ għal skopijiet li jafu jkunu ulterjuri għal dawk edukattivi, ħareġ jiftaħar li wara kollox, sema’ mill-poplu u qasam il-Kampus il-ġdid fuq żewġ partijiet. L-istess hawnhekk, il-Gvern qiegħed iniedi proċess ta’ konsultazzjoni pubblika biex wara l-5 ta’ Ottubru, jieħu d-deċiżjoni li la darba l-pubbliku inġenerali u l-istake holders kollha huma kontra, ma jaffettwax dawn il-bidliet proponuti, u hemm ilellex il-ftaħir solitu imma qarrieq ta’ Gvern li Jisma’.

Irridu nkunu għaqlin hawnhekk, u nagħrfu li din il-proposta mhix ser tgħaddi għas-sempliċi raġuni li ma tagħmilx sens mill-bidu sal-aħħar. Hemm diversi ineżattezzi fl-argumenti tal-white paper li aktarx jikxfu kemm minn fassalha mhuwiex sinkronizzat ma’ dak li qiegħed jiġri verament fl-iskejjel tagħna, għall-fatt li huma l-maġġoranza tal-iskejjel li jiftħu sa minn siegħa qabel, jekk xejn. Il-problema, inħoss li mhix ġejja mit-trasport tal-iskejjel pubbliċi imma mill-vetturi li jwasslu lil ulidehom għall-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti. Wieħed faċlment jinnota li t-traffiku jkun kajman meta l-iskejjel tal-Istat ikunu miftuħa u dawk tal-Knisja u Indipendenti magħluqa. Għalhekk, ikun aktar xieraq li l-Gvern jiffoka fuq waħda mill-proposti li biha jissussidja t-trasport għal dawn l-iskejjel minflok. Imma aktar minn hekk, hija litteralment tad-daħk li l-Gvern jikkonkludi li t-traffiku qed ikun ikkawżat minħabba t-trasport tal-iskejjel appuntu fl-eqqel tas-sajf meta l-maġġoranza tagħna qrajna din l-aħbar indannati fit-traffiku, bil-karozza wieqfa zopptu, inteftfu fil-mowbajl biex nipprovaw ngħaddu l-ħin!

Din il-konsultazzjoni tixhed Gvern li ma jafx minn fejn se jibda, u għalkemm nagħraf li l-problema tat-traffiku hija aktarx aktar gravi minn kemm nistennew, ma nistax nistenna li jkollna Gvern li ċeda daqshekk malajr quddiem il-persistenza tal-problema u jniedi l-konsultazzjoni tat-traqqigħ.

Dan l-artiklu deher fil-ġurnal In-Nazzjon tat-Tnejn, 14 ta’ Settembru.

Justin Schembri huwa Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali fuq it-8 distrett.