BLOGS

Il-Parteċipazzjoni tal-Mara fil-Politika

Stħarriġ tan-Nazzjonijiet Uniti juri li f’Awwissu 2015 kien hemm biss 22% tal-membri Parlamentari madwar id-dinja kollha li huma nisa. F’għaxar snin kien hemm żieda minn 11.3% għal 22% iżda din hija żieda li qed tiġi deskritta bħala waħda li qed iseħħ bil-mod ħafna.

F’messaġġ li għamlet waqt konferenza dwar Il-Parteċipazzjoni tal-Mara fil-Politika organizzata mit-tim tal-programm Iswed fuql-Abjad ul-MNPN, il-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca spjegat li neħtieġu ħamsin sena oħra biex nilħqu l-parità fid-dinja. Iżda bosta jistaqsu għaliex għandna naspiraw lejn din l-parità? Għandna niffukaw fuq numri indaqs ta’ nisa u rġiel f’kull livell jew niffukaw fuq l-kapaċità tal-persuna?

Ilkoll naqblu li pajjiżna dejjem jeħtieġ li jkollu membri Parlamentari li huma kapaċi b’fehma soda tar-rwol tagħhom bħala leġislaturi. Pero huwa wkoll fatt magħruf li hawn ħafna nisa u rġiel li kapaċi jkunu Membri Parlamentari tajbin ħafna u li għal raġuni jew oħra ma jikkontestawx elezzjonijiet. Fost dawn hemm nisa li diġà jsibuha diffiċli jlaħħqu mal-familja u x-xogħol.

Il-bilanċ bejn l-familja u x-xogħol mhux sfida tal-mara biss iżda anke tar-raġel pero niltaqa’ ma ħafna nisa li jħossu li s-soċjetà titfa piż ikbar fuqhom li jrabbu l-ulied, jaraw li d-dar tkun immaniġġjata sew u li jkunu suċċess fil-karriera tagħhom. F’dan kollu m’għandna wkoll qatt ninjoraw ir-rabta naturali u speċjali tal-omm mat-tarbija li tibda mit-tqala u tibqa’ prominenti b’mod partikolari fil-bidu tal-ħajja tat-tarbija.

Niltaqa’ ma nisa li jgħaddu minn stress kbir minħabba li jħossuhom qed iħallu lit-tarbija warajhom meta jasal iż-żmien li jerġgħu jibdew jaħdmu anke jekk xi wħud inaqqsu mill-ħin tax-xogħol. Oħrajn m’għandhomx ċirkostanzi li jippermettu li jnaqqsu s-sigħat jew jieqfu jaħdmu għal perjodu ta’ żmien waqt li xi wħud jibqgħu għaddejjin b’ħinijiet twal ta’ xogħol minħabba li jħossu li jitilfu opportunitajiet li jipprogressaw fil-karriera jekk għal perjodu jnaqqsu s-sigħat.

Ommijiet oħra iħossu li għandhom jibqgħu għaddejjin bil-karriera tagħhom bla waqfien mhux għax hemm bżonnijiet finanzjarji imma għaliex hekk ikunu jixtiequ. Kull deċiżjoni għandha tkun rispettata mingħajr ġudizzju u pressjoni żejda fuq l-mara. Iżda mill-mara donnu dejjem nistennew l-għażla u għalhekk huwa meħtieġ li jkollna diskussjonijiet iktar frekwenti dwar r-rwoli tas-sessi fil-familja, fis-soċjetà u fil-politika. Għalhekk ukoll jeħtieġ li jkollna aktar nisa fil-Parlament li jifhmu u jirrapreżentaw lil nisa bħalhom.

Jiena kandidata għall-Parlament iżda nħoss li l-partiti politiċi jeħtieġ jaħdmu iktar biex b’mod ġenwin jirrapreżentaw il-mara, id-drittijiet tagħna u biex ifasslu politika li ma tkunx magħmula minn xi miżura maqtugħa għaliha imma b’inizjattivi mnebbħa minn politika li tifhem l-isfidi kollha li qed jiffaċċjaw nisa differenti. Huwa għalhekk li s-Sibt 9 ta’ Lulju 2016 ħadt inizjattiva li nqajjem diskussjoni fil-Partit Nazzjonalista fuq għaliex nixtiequ iktar nisa eletti fil-Parlament u iktar nisa fl-istrutturi tal-partit. Il-ħidma tiegħi ma tieqafx mal-konferenza iżda bdiet minn hemm u determinata li nkompli naħdem għal dalk li nirrapreżenta u dak li nemmen fih.

Fiż-żjarat tiegħi fid-djar tan-nies bħala kandidata għall-Parlament niltaqa’ ma’nisa li jiftħu qalbhom miegħi bħala politiku fuq sitwazzjonijiet differenti. Dawn jinkludu ommijiet li tilfu tarbija jew xi wieħed minn uliedhom; nisa li ma jistax ikollhom tfal u jħossu lis-soċjetà titfa’ piz kbir fuqhom biex iġibu fid-dinja l-ulied; nisa li ġew abbużati b’mod sesswali jew nisa li qed ibgħatu minn vjolenza domestika, nisa nkwetati fuq tfal li qabdu triq perikoluża, ommijiet li għandhom tfal fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin għal żmien qasir u ma jridux jgħidu lil sħabhom, nisa li għandhom kundizzjonijiet ta’ saħħa li ma jidhrux u nisa li kontinwament iħossu nuqqas ta’ kunfidenza għax fil-familja ħadd ma japprezza x-xogħol siewi li jagħmlu fid-dar.

Ikun hemm nisa li jħossuhom komdi jitkellmu miegħi għax iħossu li mara u omm bħalhom tista’ tifhimhom aħjar. Dan ma jfissirx li r-rwol tar-raġel mhux validu fil-politika. Mhux għaqli li nikkompettu bejn min mis-sessi kapaċi jfassal l-aħjar politika iżda jeħtieġ li nifhmu li l-mara u r-raġel għalkemm differenti jikkumplimentaw lil xulxin. Din għandha tkun l-ambizzjoni tal-partiti politici.

Li f’isimhom ikollhom eletti ammont ugwali ta’ nisa u rġiel kapaċi li jaħdmu biex il-Parlament tagħna ikun iktar rappreżentativ tal-bżonnijiet tas-soċjetà tagħna. B’hekk anke uliedna u l-ġenerazzjonijiet ta’ warajna joffru kemm lil bniet u subien l-aqwa opportunitajiet u opportunitajiet indaqs.