BLOGS

Il-politika tal-‘a la carte’

Il-politika tal-‘A la carte’

Kelli l-ħsieb li nittratta dan is-suġġett f’dan l-artiklu. Il-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat jaħseb li jimpressona ħafna lill-udjenzi internazzjonli meta jżerżaq xi frażi bħal din. Kien qed jindirizza konferenza fit-Turkija dwar problemi umanitarji fl-isfond tal-problema dinjija tal-immigrazzjoni irregolari. Qal li s-solidarjetà f’dan il-qasam m’għandhiex tintuża b’mod a la carte, jiġifieri li ssir għażla meta nkunu solidali jew le f’ċirkustanżi fejn jidħlu azzjonijiet umanitarji. S’issa m’hemm xejn ħażin.

Iżda l-memorja hija don li tagħraf tgħin fid-dixxerniment li nagħmlu biex niġġudikaw dak li jingħad u dak li jsir jew ikun sar. Dan mhux l-istess Joseph Muscat li flimkien mal-Ministru tal-Intern Mallia kellu ajruplan lest biex jibgħat lura grupp ta’ immigranti rregolari lejn minn fejn kienu telqu, mingħajr ma kien tahom dak li l-liġi tagħtihom bħala dritt? Jekk dak li kien ippjanat ma seħħx, ma kellu x’jaqsam xejn ma’ Muscat; ma seħħx għax grupp ta’ avukati ħaduh il-qorti fl-Ewropa u Muscat kellu jbaxxi rasu. Dik ta’ Muscat kienet azzjoni a la carte u tikkontradixxi t-twemmin tiegħu li s-solidarjetà għandha tkun dejjem preżenti fejn tidħol il-ġustizzja mal-vulnerabbli.

Sakemm issetiljajt biex inkompli b’dan l-artiklu ħarġet mill-qorti s-sentenza dwar l-iżbalji li kienu saru fl-għadd tal-voti wara l-aħħar elezzjoni. Il-Kummissjoni Elettorali kienet ammettiet l-iżball iżda b’nuqqas ta’ irġulija l-Partit Laburista immexxi minn Joseph Muscat ipprefera l-inġustizzja li kienet saret ma’ żewġ kandidati Nazzjonalisti milli r-rispett lejn il-votanti li bil-vot tagħhom kienu wrew l-intenzjoni tagħhom b’mod ċar dwar lil min riedu li jiret il-voti li taw. Meta Muscat jiġi għas si jew no, hu jkun l-ewwel wieħed li jagħmel dak li jaqbillu, mhux dak li hu sewwa, iżda jpoġġi l-ħażin u t-tajjeb f’menu a la carte, daqs li kieku s-sewwa u l-ħażin huma żewġ platti ugwalment tal-istess togħma morali.

U l-fatt li Muscat huwa determinat li jkompli jiġġieled dwar din is-sentenza tal-qorti li trid li l-inġustizzja tissewwa billi żewġt deputati Nazzjonalista jieħdu l-ġurament bħala membri parlamentari, hija konferma li Muscat jpoġġi l-interessi tiegħu u tal-partit tiegħu l-ewwel, u mhux lill-poplu Malti li tkellem kif tkellem fl-aħħar elezzjoni ġenerali.

Din hija l-politika tal-a la carte fil-prattika. Rajniha wkoll titpoġġa fuq il-menu ta’ Muscat fid-deċiżjonijiet li ħa matul il-karriera tiegħu ta’ ġurnalista’ u aktar tard fil-politika. Niftakru jikteb fit-Times b’risposta ta’ ittra tiegħi, u dan meta kien editur tal-gazzetta online tal-Partit Laburista, li hu ma kienx joġġezzjona li jien nikteb l-opinjoni tiegħi fl-istess gazzetta. Iżda meta kont attakkat b’mod vili minn kittieba Laburisti kelli nikkwota l-liġi biex ir-risposta tiegħi kienet ippublikata. Il-ġurnata minn kmieni turik.

Id-deċiżjoni li kien ħa Muscat li jiġbed l-istess ħabel ta’ Alfred Sant li l-Partnership kien rebaħ ir-referendum dwar is-sħubija fl-Unjoni Ewropea hija sintomatika tal-moralità tiegħu jew aħjar tan-nuqqas ta’ sens morali fid-deċiżjonijiet tiegħu. Meta kien wasal il-waqt, għax hekk kienet tikkmanda l-konvenjenza politika, kien Muscat stess li kien ħabbar li l-Partit Laburista kien żbalja meta ma kienx aċċetta l-verdett tal-poplu f’dak ir-referendum.

Il-każi li ħarġu mill-Panama Papers taw opportunità kbira lil Joseph Muscat li jieħu azzjonijiet li kienu jitolbu ċ-ċirkustanzi, iżda minflok baqa’ anke sa din il-ġimgħa jiddefendi l-ħażen u jwarrab is-sewwa. L-għażliet tiegħu li akkost ta’ kollox ma talabx ir-riżenji ta’ Keith Schembri u ta’ Konrad Mizzi kif jgħidu l-Ingliżi speak volumes. Għala? Għax juru li Muscat jinjora l-għażla li persuna morali tgħarbel b’mod serju, minflok jagħżel dak kollu li jaqbel lilu u l-interessi ta’ dawk li jsostnuh fil-pożizzjoni tiegħu, anke jekk dan jirrendieh bħala ostaġġ tal-istess ħbieb intimi tiegħu.

Nhar l-Erbgħa kien hemm artiklu tassew studjat fit-Times of Malta miktub minn Tony Zammit Ciantar. Il-kittieb stqarr li l-“Prim Ministru kkometta żball kbir. Huwa għażel lil ħbiebu minflok il-protezzjoni tal-ġid komuni. Bl-azzjoni tiegħu, għamel ħafna ħsara lill-istess reputazzjoni tiegħu u fl-istess ħin lill-isem ta’ pajjiżna.” Semma l-kittieb kif jista’ jkun li l-evazzjoni tal-ħlas tat-taxxa minn min jiftaħ kumpaniji li l-għan tagħhom huwa preċiżament dak, u dawn isibu konfort fil-Prim Ministru, meta hija xi ħaġa mmorali u toħloq nuqqas ta’ ġustizzja ma’ min iħallas it-taxxa f’Malta. Din is-sitwazzjoni tirrendi x-xogħol li jsir biex kemm jista’ jkun tirrenja f’pajjiżna l-fiskalità morali bħala farsa.

La qed insemmi l-fares, dak li seħħ għal darb’oħra fil-Parlament din il-ġimgħa jistħoqqlu jissejjaħ kummiedja-traġika. Għax huwa tassew tad-daħk li politiċi suppost serji ma jikkundannawx fil-Parlament dak li huma stess jikkundannaw barra l-Parlament. Iżda d-daħk jinbidel b’biki meta dan ix-xenarju qed jagħmel minn pajjiżna pajjiż li ma jistax jiġi fdat, f’pajjiż li ma jixraqlux is-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Min jaf kemm qed jingħad minn wara darna minn politiċi ta’ stoffa fl-Ewropa dwar l-eżempju li ser jagħtu l-ministri Maltin fil-fora tal-Ewropa matul il-Presidenża ta’ Malta. Frott tal-politika a la carte Joseph Muscat daħħal lil pajjiżna fi sqaq li rriżenja tiegħu biss tista’ twassal għal rimedju. Il-poplu Malti għandu rimedju u dak huwa l-politika onesta tal-Partit Nazzjonalista ta’ Simon Busuttil.