BLOGS

Joseph Muscat hu l-akbar problema ta’ Malta

Il-Mass Meeting ta’ ġimgħa llu indirizzat mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kompla jagħti tama lil pajjiżna li jista’ jkollna tmexxija serja u nadifa anke jekk bħalissa pajjiżna qed jgħix mumenti li ma jirriflettux governanza serja. Il-messaġġ ta’ Busuttil kien ċar u dirett; jeħtieġ li nkomplu naħdmu flimkien biex nilħqu l-ambizzjonijiet tagħna li tassew inkunu l-aqwa fl-Ewropa.
Jekk imorru lura ftit żmien, preċiżament meta Joseph Muscat kien qed jitkellem fil-kampanja elettorali tal-2013, kulħadd jiftakar kemm kien jagħmel użu minn kliem sabiħ u wegħdi kbar biex jattira l-voti ta’ kulħadd. Illum, aktar minn tliet snin wara, kulħadd jaf li dak li kien tkellem dwaru fil-bidu tal-2013 kien biss duħħan għaliex effettivament ma kienx kapaċi jżomm kelmtu fl-aktar wegħdi importanti u li fuqhom rabat il-kampanja elettorali.

Mar żmerċ
Hawnhekk insemmi l-bini ta’ Power Station ġdida li Muscat tant kien isemmi u jgħid li se jlesti f’perjodu stipulat. Muscat mar żmerċ u mhux ftit f’dan ir-rigward. Aktar minn hekk kien jitkellem dwar meritokrazija u fuq il-bżonn li pajjiżna jkollu Gvern ta’ kulħadd. Anke dwar dan Muscat ma żammx il-kelma tiegħu u llum nafu biżżejjed li dan hu l-aktar Gvern korrott minn wara l-Indipendenza ’l hawn u ma jiddejjaq xejn jigdeb anke jekk il-gideb jistgħu jagħmlu l-ħsara lil pajjiżna internazzjonalment.
Hu fatt li llum wasalna f’sitwazzjoni politika fejn għandna Gvern li jinteressah biss minn ta’ madwaru. Aktar minn hekk, dan hu Gvern li lanqas jimpurtah mil-Laburisti ġenwini iżda minn dawk viċin tiegħu biss. Dan sar Gvern li jaqsam il-ġid bejn il-ftit u m’għandu ebda mistħija ta’ xejn basta jgawdi hu u dawk qrib tiegħu. Jum wara l-ieħor qed insiru nafu b’ħafna ċittadini li qed jagħmlu kuraġġ u qed joħorġu fil-beraħ u jesprimu d-diżappunt tagħhom lejn il-fatt li fl-2013 afdaw lill-PL u lil Muscat bil-vot tagħhom.
Jgħidu ukoll li dak l-iżball mhux se jkunu qed jerġgħu jagħmluħ u li llum qed jifhmu li Busuttil hu l-futur ta’ dan il-pajjiż. Effettivament din hi d-direzzjoni popolari politika li preżentament qed jgħix pajjiżna u dan għaliex il-politika ta’ Busuttil hi mfassla fuq l-onestà waqt li tgħin biex tassew ħadd ma jibqa’ lura u mhux ngħixu f’sitwazzjoni fejn il-faqar ikompli jikber.

Ma jistax jiċħad
Teżisti statistika li Muscat ma jistax jiċħad jew imeri, dik li l-faqar taħt Muscat żdied. Dawk li qed jiċħdu dan qed jagħżlu li jdaħħlu rashom ġor-ramel u ma jarawx l-istampa kollha ta’ dak li qed iseħħ madwarna. Pajjiżna għandu problema u din il-problema jisimha Joseph Muscat.
Illum il-Prim Ministru tagħna sar l-ikbar dannu għal pajjiżna lokalment u internazzjonalment u dan qed iwassal biex ir-reputazzjoni ta’ Malta qed tkun imtappna. Wasal il-mument li nieqfu għal min ma jiddejjaq xejn jiddefendi dak li hu indefendibbli u jibqa’ juri appoġġ lill-Gvern anke quddiem skandi kbar ta’ korruzzjoni. Pajjiżna jixraqlu aħjar u l-PN se jkun qed jagħmel il-massimu biex nagħtu lill-poplu tagħna dak li tassew jiraqlu u jixtieq; Gvern serju u responsabbli li jgħid le għall-korruzzjoni.
Nemmen tassew li preżentament il-PN qabad triq tajba u li għandha twassalna biex inkomplu nikbru u nirbħu l-fiduċja tal-poplu biex niggvernaw bl-akbar trasparenza u onestà politika. Biex nagħmlu dan iridu nżommu ir-ritmu li qbadna u nżiduh flimkien billi komplu nikkonvinċu aktar nies li l-PN hu l-aħjar għażla politika għal Malta. Nemmen li dan hu possibli u għaliex nemmen dan se nkun qed nagħmel il-massimu tiegħi biex nara lil Simon Busuttil ikun Prim Ministru ta’ Malta.