BLOGS

Kellna d-deheb u bdilnieh mal-bronż

F’Ġunju tal-2012 il-Fondazzjoni Valletta 2018 (V18) kienet ħabbret li Wayne Marshall, is-surmast u mużiċist ta’ fama mondjali, kien inħatar id-direttur artistiku tal-proġett ta’ Malta kollha, il-Belt Kapitali Kulturali tal-Ewropa fl-2018.
Marshall, b’konnessjonijiet familjari ma’ Malta, kien dak iż-żmien diġà għex aktar minn sitt snin f’pajjiżna u allura, filwaqt li kien espost għall-aqwa kultura fid-dinja minħabba l-konnessjonijiet mużikali tiegħu, kien jaf il-preġji u d-difetti tagħna mill-qrib. Kulħadd kien qabel li dak kien ‘akkwist’ eċċellenti għal pajjiżna. Marshall stess kien wera fiduċja u ottimiżmu ġenwin li Malta setgħet tilħaq livelli li qatt ma konna lħaqna qabel.

Meta ħabbar din il-ħatra importanti, David Felice, iċ-Chairman ta’ dak iż-żmien tal-V18 (u l-fundatur tal-Fondazzjoni) kien stqarr li dik il-ħatra kienet se tpoġġi lil Malta fuq il-mappa mondjali bis-saħħa tal-fama enormi li jgawdi Wayne Marshall madwar id-dinja.
Bl-esperjenza vasta tiegħu, pajjiżna kien se jgawdi direttament u l-proġett tal-V18 kien se jagħti imbuttatura tajba u pożittiva fuq livell internazzjonali.
Marshall hu direttur orkestrali u organista u pjanista li ħadem fl-aqwa teatri madwar id-dinja u l-għażla tiegħu kienet saret wara sejħa pubblika mill-V18.

Nagħmlu issa fast forward għal Marzu 2013 meta f’pajjiżna nbidel il-gvern u waħda mill-ewwel miżuri li ħa kien li jibdel in-nies li kienu mexxew b’tant suċċess sa mit-twelid tal-kunċett dan il-‘proġett’ u, aktar minn hekk, neħħew lil Wayne Marshall minn direttur artistiku u floku poġġew lil Mario Philip Azzopardi, dak li ħadem u dderieġa l-ispots politiċi tal-Labour qabel l-aħħar elezzjoni. Spots li jekk terġa’ tarahom illum tara kemm kienu patetiċi u politikament qarrieqa.
F’din il-kariga mal-V18 – u mhux biss f’din il-kariga – Azzopardi kellu diversi inċidenti li llum saru notorji. U flok il-fama mondjali ta’ Marshall issa għandna direttur artistiku li l-aktar li jissemma hu għal xi praspura li jkun involut fiha kull tant żmien.

Iżda jekk wieħed irid jifhem aħjar x’tellef lil Malta dan il-Gvern meta neħħa lil Wayne Marshall mill-kariga, biżżejjed imur fuq Facebook, u jfittex x’impenji kellu fl-aħħar ġimgħat. Insemmi biss il-concert tiegħu fil-21 ta’ Settembru li għadda fil-famuża Royal Albert Hall f’Londra, organizzat mill-poplari Classic FM. It-teatru kien ippakkjat u l-applawsi li qala’ kienu fenomenali. Jien kelli l-okkażjoni li nkun preżenti għal concert ieħor f’din is-sala meraviljuza u nista’ nimmaġina xi trijonf kien għal Marshall.
U bilħaqq, skont il-Maltatoday, dan il-gvern qed iħallas €80,000 fis-sena lil Mario Philip Azzopardi. L-istess gazzetta qalet li dan hu aktar mis-salarju tal-Avukat Ġenerali u aktar minn dak li jdaħħlu diversi chairmen ta’ entitajiet pubbliċi. Għal dan dan il-gvern dan kollu ma jfisser xejn. L-aqwa li jħallas id-‘dejn’ tal-elezzjoni li għaddiet u probabbilment bħala advanced payment għal dik ġejja wkoll!