BLOGS

Malta l-aqwa fl-Ewropa: fl-inflazzjoni

Hemm xi ħaġa li tpoġġina bħala l-aqwa fl-Ewropa. Din żgur mhix il-Kabinett tal-Ministri, għalkemm hu wieħed mill-ikbar tal-Ewropa – daqs tal-Italja – iżda l-inflazzjoni li leħqet ċifri allarmanti. Il-Bank Ċentrali Ewropew qed jistampa l-flus biex jistimula l-ekonomija Ewropea u b’hekk itella’ l-inflazzjoni għal madwar tnejn fil-mija. Mar għall-quantitative easing, bl-iskop li mijiet ta’ biljuni ta’ ewro jgħinu l-ekonomiji Ewropej, li wħud minnhom, b’inflazzjoni taħt iż-żero, daħlu f’deflazzjoni li hi ħażina daqs l-inflazzjoni. Aħna qbiżna t-tnejn fil-mija mingħajr ma kellna mmorru għall-quantitative easing. Mhux verament tajbin biex inkabbru l-inflazzjoni! Iżda l-inflazzjoni mingħajr żieda fid-dħul għall-ħaddiema u l-pensjonanti li tagħmel tajjeb għaż-żieda fl-għoli tal-prezzijiet hi diżastru.

Fl-Unjoni Ewropea u fiż-żona ewro l-ikbar impatt fuq l-inflazzjoni, anki jekk wieħed ta’ biss 0.13 fil-mija, ġie mir-restoranti u l-kafejiet. Warajh b’0.08 fil-mija kien hemm il-kera u b’0.05 fil-mija it-tabakk. Min-naħa l-oħra l-prezz taż-żjut baxxew l-inflazzjoni: b’0.54 fil-mija ż-żjut għat-trasport; 0.22 fil-mija ż-żejt biex isaħħnu d-djar u 0.13 fil-mija l-gass. F’pajjiżna l-akbar impatt fuq iż-żieda fl-inflazzjoni f’April ukoll ġie mir-restoranti u l-lukandi iżda l-qabża fil-każ tagħna kienet ta’ 13.1 fil-mija. L-indiċi tal-ikel u xorb mhux alkoħoliku żdied b’0.22 fil-mija. Fil-każ ta’ pajjiżna t-taqsima tad-djar, ilma, elettriku, gass u żjut oħra żiedet l-inflazzjoni b’0.4 fil-mija. Żidiet oħra konsiderevoli ġew mill-ilbies u xidd ir-riġlejn bi 3.8 fil-mija u l-edukazzjoni bi tnejn fil-mija.

Biss filwaqt li fejn tidħol l-inflazzjoni qegħdin l-aqwa fl-Ewropa ma jidhirx li aħna l-istess fejn jidħol dak li t-Taljani jsejjħulu bħala il potere d’aquisto, jew x’tixtri bl-istess ammont ta’ flus illum meta tqabblu ma’ x’kont tixtri żmien ilu. Fejn il-ħaddiem u l-pensjonant qed iwassal bil-paga u l-pensjoni ninsabu lura. Dan joħroġ ċar mill-fatt li l-pagi, is-salarji u l-pensjonijiet żdiedu inqas milli żdiedu l-pagi u l-pensjonijiet, bir-riżultat li parti kbira mill-poplu mhix twassal sal-aħħar tax-xahar b’dak li qed iddaħħal. U biex f’pajjiżna għandna llum 100,000 persuna fil-periklu tal-faqar.

Dan ġie anki kkonfermat minn studju u rapport li għamlet il-Caritas, għaqda ta’ volontarjat, fejn ħarġet b’baskett ta’ oġġetti essenzjali, l-inqas li bihom jgħix il-bniedem, u li jassumi li dak li jkun ma jħallasx għas-servizzi tas-saħħa, inkluża saħħa primarja, kien igħix f’housing soċjali u juża transport pubbliku. Biċ-ċifri li ħarġu l-bniedem sempliċiment jeżisti. Infatti hu bbażat fuq tliet kategoriji ta’ familji, familji f’saħħithom u li ma jeħtiġux dieta speċjali. Biżżejjed ingħidu li l-baġit formulat għal familja ta’ żewġ ġenituri u żewġt itfal hu indikat bħala ta’ €11,446. Baġit għal ġenitur wieħed b’żewġt itfal hu indikat bħala ta’ €9,197. Għiduli inthom kif jistgħu dawn il-kategoriji ta’ familji jgħixu b’din il-miżerja. Bilkemm jeżistu!

Il-baskett miġbur mill-Caritas f’erba’ snin għola b’€1,000. Biss kemm għolew il-pagi u l-pensjonijiet? Ferm u ferm inqas. Għalhekk jikber ir-riskju tal-faqar.

Li joħroġ minn dan l-istudju hu li l-ikel jassorbi l-ikbar sehem minn dan il-baskett li permezz tiegħu l-bniedem jeżisti. Biss anki din it-taqsima tal-Indiċi tal-Prezzijiet għoliet ferm iktar mill-medja taż-żona ewro. Filwaqt li fiż-żona ewro din it-taqsima (li ma tirreflettix b’mod eżatt dik Maltija) għoliet b’0.3 fil-mija f’April u b’0.8 fil-mija fuq bażi ta’ sena, f’Malta kellna żieda ta’ 0.5 fil-mija f’April u ta’ 1.3 fil-mija f’sena – jew bejn wieħed u ieħor id-doppju ta’ dak li qed iseħħ f’Malta. Dan ikompli jgħarraq il-qagħda tal-familji Maltin, l-aktar dawk f’riskju ta’ faqar.

Il-ħaddiem u l-pensjonant Malti anqas ħa l-benefiċċju sħiħ tar-roħs kbir li kien hemm, u għad hawn, fil-prezz taż-żjut. Filwaqt li fiż-żona ewro l-enerġija f’April uriet żieda ta’ 0.1 fil-mija (wara tnaqqis kull xahar ta’ bejn 5.4 fil-mija u 8.7 fil-mija matul is-sena ta’ qabel) f’Malta ż-żieda f’April kienet erba’ darbiet iktar. Fuq bażi ta’ sena, filwaqt li fil-pajjiżi taż-żona ewro kien hemm tnaqqis konsiderevoli xahar wara xahar, aħna kellna żieda ta’ iktar minn wieħed fil-mija. Dan kollu għandu effett kbir mhux biss fuq x’jibqagħlu l-ħaddiem u l-pensjonant wara li jneħħi l-effett tal-għoli tal-prezzijiet fuq id-dħul tiegħu, iżda kemm il-pajjiż qed jitlef mill-kompetittività tiegħu. Tnaqqis fil-kompetittività li qed iwassal għal inkwiet għal diversi fabbriki f’pajjiżna li qed ikollhom jieħdu miżuri biex inaqqsu l-ispejjeż, fosthom ġimgħat imqassra ta’ xogħol, leave lill-ħaddiema minħabba nuqqas ta’ xogħol u anki sensji. Dan kollu jkompli jikkomplika l-ħajja għal eluf ta’ ħaddiema li jsibuha dejjem iktar diffiċli biex, b’li jdaħħlu, jaslu sal-aħħar tax-xahar.

Il-Caritas għamlet diversi proposti biex il-ħaddiem Malti joħroġ minn din il-kriżi ta’ eżistenza. Ipproponiet li togħla l-paga minima statutorja, biex il-Gvern jindirizza l-qagħda tal-kera ta’ djar privati li ma jibbenefikawx minn xi tip ta’ sussidji, li tingħata għajnuna u inċentivi biex il-poplu jgħix aħjar. Il-Gvern bil-kliem jgħid li jaqbel mas-suġġeriment li togħla gradatament il-paga minima. Iżda bil-fatti x’qed jagħmel? Xejn, jew kważi xejn. Kieku n-numru ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jonqos u mhux jiżdied.

Dan il-Gvern jidher li tilef il-boxxla soċjali għax filwaqt li għandu l-miljuni biex jorganizza l-konferenzi internazzjonali – fejn l-istimi qed imorru żmerċ bil-kbir, filwaqt li għandu l-miljuni biex jimpjega eluf ta’ nies fis-settur pubbliku u mijiet f’karigi ta’ fiduċja, ma jsibx ftit miljuni ta’ ewro biex itejjeb il-ħajja ta’ eluf kbar ta’ ħaddiema u pensjonanti, bil-kategorija tal-pensjonanti l-iktar li qed tbati u l-iktar li qed tidħol fir-riskju tal-faqar.

Il-pajjiż jixraqlu aħjar. Żgur li ma jixraqlux jieħu l-ewwel fejn tidħol l-inflazzjoni. Li jixraqlu hu li l-ħaddiema u l-pensjonanti jgħixu aħjar billi jittieħdu miżuri, u jiġu vvutati flus biżżejjed, biex kulħadd ilaħħaq mal-ħajja, u bid-dħul li jkollu jlaħħaq sal-aħħar tax-xahar. U biex għexieren ta’ eluf ta’ Maltin flok sempliċiment jeżistu, jibdew igħixu ħajja deċenti.