BLOGS

In-negozju fis-servizzi: Malta u Brexit

Stqarrija tal-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, tgħid li n-negozju internazzjonali fis-servizzi tal-UE żdied b’mod f’saħħtu u sinifikanti fl-aħħar sitt snin. L-esportazzjoni tas-servizzi mill-Unjoni Ewropea lejn il-bqija tad-dinja kiber bi 42 fil-mija, minn €569.5 biljun fl-2010 għal €811.2 biljun fl-2015. L-importazzjoni kibret xi ftit iktar bil-għaġġla (+43%) minn €461.6 biljun għal €660.5 biljun. Bħala riżultat il-bilanċ fin-negozju tas-servizzi, li kiber b’pass mgħaġġel bejn l-2010 u l-2013, naqas għat-tieni sena konsekuttiva fl-2015 għal €150.7 biljun. Dan is-settur hu wieħed mill-iktar importanti għall-Unjoni Ewropea għaliex ipoġġiha fiċ-ċentru ta’ tranżazzjonijiet internazzjonali li minnhom jiddependi ħafna l-iżvilupp ekonomiku u finanzjarjarju internazzjonali.

In-negozju fis-servizzi hu wieħed mill-erba’ pilastri tal-‘General Trade Agreement of Tariffs and Trade’ (GATT), ftehim li jinkorpora l-Ftehim tal-Organizzazzoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) li ntlaħaq fl-1995. Is-servizzi għandhom parti importanti f’ekonomija moderna u huma kruċjali għat-tkabbir fil-kummerċ u l-ekonomija.

Dan il-qasam ekonomiku jinkorpora s-settur tat-turiżmu, is-settur tas-servizzi finanzjarji u s-settur tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni. Tliet setturi li nbnew minn gvernijiet Nazzjonalisti.

Bis-settur turistiku jibda l-iżvilupp tiegħu wara l-1962, meta tela’ fil-gvern il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Ġorġ Borg Olivier li ħalla fil-pajjiż 100 lukanda u settur turistiku qawwi. Iż-żewġ setturi l-oħra jafu l-bidu tagħhom taħt gvernijiet oħra Nazzjonalisti mmexxija minn Eddie Fenech Adami.

Is-settur tas-servizzi fl-Unjoni Ewropea hu wieħed vibranti. Fejn tidħol l-esportazzjoni tas-servizzi kien wieħed relattivament stabbli bejn l-2001 u l-2008 meta kien idur bejn s-27.8 fil-mija u t-28.8 fil-mija tal-esportazzjoni kollha ta’ oġġetti u servizzi. Fl-2009 laħaq 31.1%; niżel għal 29.1% fl-2010 u għal 28.2% fl-2011 u l-2012. Fl-2013 tela’ għal 28.7%.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-importazzjoni ta’ servizzi bħala persentaġġ tal-importazzjoni totali ta’ oġġetti u servizzi, din kienet fl-ogħla tagħha fl-2009 meta laħqet 26.1%; niżlet għal 23.3% fl-2010; u għal 21.9 fil-mija fl-2011 (l-iktar livell baxx f’għaxar snin); telgħet għal 22.4% fl-2012 u 23.4% fl-2013.

Bilanċ favorevoli
Ċifri ppubblikati mill-Eurostat juru li fl-2015 Malta esportat €6,238 miljun ta’ servizzi u impurtat €5,431 miljun ta’ servizzi. Dan ħallina b’bilanċ favorevoli ta’ €807 miljun.

L-iktar pajjiż li jinnegozja fis-servizzi hu bla dubju ta’ xejn ir-Renju Unit. Dan il-pajjiż fl-2015 esporta €188,834 miljun ta’ servizzi – jew 23.3 fil-mija tal-esportazzjoni kollha tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u importa €95,475 miljun.

Dan ħalla lir-Renju Unit b’bilanċ favorevoli fin-negozju tas-servizzi ta’ €93,359 miljun minn bilanċ globali ta’ €150,748 miljun għall-Unjoni Ewropea kollha. Li jfisser li minn dan il-bilanċ favorevoli 61.9 fil-mija kien is-sehem tar-Renju Unit.

Fit-23 ta’ Ġunju, jew f’inqas minn ġimgħa, l-Ingliżi se jivvutaw jekk jibqgħux jew le jagħmlu parti mill-Unjoni Ewropea. Jien nemmen li jekk jiddeċiedu li jitilqu jkunu qed jagħmlu żball madornali għaliex jekk iridu jiġġieldu biex ikollhom kundizzjonijiet aħjar fl-UE dan iridu jagħmluh minn ġewwa.

Biss apparti jekk hux se jagħmlu żball jew le – wara kollox ir-Renju Unit hu stat sovran u jiddeċiedi l-poplu Ingliż x’irid – jekk jitilqu s-settur tas-servizzi finanzjarji fi ħdan l-Unjoni Ewropea ma jibqax l-istess. L-Ingliżi jieħdu daqqa, biss anke l-Unjoni Ewropea ma toħroġx mingħajr ebda brix!

Il-fatt li l-istħarriġ tal-opinjoni qed juri vot favur il-Brexit (ħruġ tar-Renju Unit mill-UE) diġà wassal biex f’jum wieħed, fl-10 ta’ Ġunju ntilfu €160 biljun ta’ kapitalizzazzjoni mis-swieq tal-kambju. U biex l-Ingliżi qed jiġbdu miljuni ta’ Sterlini kull minuta mill-banek! Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea żgur ikollu riperkussjonijiet fuq l-istess pajjiż u fuq il-pajjiżi membri tal-UE.

Relazzjonijiet fil-qrib
Min-naħa ta’ pajjiżna aħna nistgħu nintlaqtu iktar minn ħaddieħor minħabba r-relazzjonijiet fil-qrib li dejjem kellna mal-Ingliżi, speċjalment fl-aħħar 50 sena minn mindu ħadna l-Indipendenza bis-saħħa ta’ Gvern Nazzjonalista. Relazzjonijiet ekonomiċi, relazzjonijiet fil-qasam tat-turiżmu u relazzjonijiet fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.

Is-servizzi għandhom sehem importanti fl-ekonomija ta’ pajjiżna. Huma wieħed mit-tliet saqajn tat-trepid li fuqu hi mibnija l-ekonomija tagħna. Anke jekk is-settur turistiku ma jiġix affetwat ħafna mit-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, xi ftit jiġi affetwat u għalina kull ftit hu ħafna. Biss hemm settur fejn żgur se niġu affetwati.

Dan hu s-settur tas-servizzi finanzjarji. Fuq dan is-settur diġà beda jberraq. Beda jberraq hekk kif faqqa’ l-iskandlu internazzjonali tal-Panama Papers fejn ġew implikati l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri. Dan diġà kellu effett fuq is-servizzi finanzjarji li jħaddmu mal-11,000 persuna u jikkontribwixxu sehem mhux żgħir għall-Prodott Domestiu Gross.

Dan is-settur jiġi effettwat anke jekk fost min ikun irid jinvesti f’pajjiżna ikun hemm xi perċezzjoni ħażina minħabba li personalitijiet importanti tal-gvern ikunu involuti fit-twaqqif ta’ kumpaniji sigrieti f’pajjiżi bħal Panama. Il-perċezzjoni hi fenonimu li jolqot ħafna dan is-settur u l-fatt li qed niġu impinġija b’mod negattiv ftit li xejn jgħin.

Kbir u importanti
Is-settur tas-servizzi mhux biss banek, iżda jiġbor fih l-industrija tal-ospitalità, l-industrija tal-gaming, ix-shipping, l-organizzazzjonijiet volontarji u karatitattevoli. Jinkludu wkoll servizzi marbuta mal-oqsma tal-edukazzjoni u s-saħħa. Għalhekk huma daqshekk importanti. Għalhekk is-sehem tas-servizzi fl-ekonomija hu daqshekk kbir.

L-isħab iswed li beda jinġema’ fuq dan is-settur minħabba l-involviment ta’ politiċi Maltin fl-iskandlu internazzjonali tal-Panama Papers żgur jikber jekk il-poplu tar-Renju Unit jagħżel li joħroġ mill-Unjoni Ewropea.

Diġà hemm diversi pajjiżi Ewropej li ħejjew pjani f’każ li dan iseħħ. Ma nafx x’qed jagħmel il-Gvern Malti. Biss jekk m’għandux pjan ta’ kontinġenza f’każ ta’ tali eventwalità, aħjar jaħseb għal wieħed. U jrid ikun pjan serju. Mhux bħall-road-map li suppost li kellu u li la sirna nafu l-kontenut tagħha, wisq inqas ġiet attwata.