Lokali

“Ambjent li hu ta’ periklu serju għall-ġurnalisti”

Fil-Jum Dinji li jfakkar il-Libertà tal-Istampa, l-għaqda ‘Repubblika’ qalet illi hu ta’ dispjaċir li Malta ma sewwiet xejn mill-ħsara fid-demokrazija tagħna li għamlet l-istat tagħna responsabbli għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-Gvern ta’ Robert Abela ma wettaq ebda waħda mir-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia li jfisser li t-theddid għal-libertà tal-kelma li wassal biex inqatlet ġurnalista għadu kollu magħna. Anzi issa hu aggravat bl-impunità li għadhom igawdu l-politiċi korrotti li kixfet.

Kważi sitt snin wara mewtha, u kważi sentejn mill-konklużjoni tal-Inkjesta Pubblika, il-gvern ta’ Robert Abela għadu ma wettaqx minuta ta’ konsultazzjoni mal-ġurnalisti dwar l-introduzzjoni ta’ liġijiet biex jipproteġuwhom. Ix-xandir pubbliku konsistentement jinstab li jservi ta’ propaganda tal-gvern iżda ma jsir xejn biex tiġ assigurata l-indipendenza tiegħu. Il-Gvern jiġġieled b’saħħtu kollha biex iżomm moħbija l-informazzjoni li hu obbligat jippublika u juża l-infieq tiegħu biex jippremja lill-media li tfaħħru u jikkastiga lil min jikkritikah.

Malta għadha bla liġi kontra l-assoċjazzjoni mafjuża. Għad m’għandniex liġijiet li jagħmlu reat l-abbuż tal-poter, u li wieħed ifixkel il-kors tal-ġustizzja. Għad m’għandniex poteri biex il-qrati jieħdu l-ġid minn idejn min ma jistax jispjega minn fejn ġabu.

Għad ma saru ebda prosekuzzjonijiet kontra min inqabad ifotti bil-Panama Papers. Is-sidien tal-Electrogas, anke dak li qiegħed il-ħabs, għadhom jagħmlu l-qliegħ minn dak il-kuntratt korott. Minkejja li l-kuntratt tal-isptarijiet ġie rexiss minħabba frodi, il-ministri għadhom jiġru barra. L-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija jipproteġu lill-ħallelin tal-Pilatus Bank.

Intant illum għandna Prim Ministru li kien sieħeb ta’ kriminal li qed jiskansa l-ġustizzja. U Robert Abela hu l-ewwel garanti tal-impunità li għadu jgawdi Joseph Muscat u kull min gawda miegħu.

Dan hu ambjent ta’ periklu serju għall-ġurnalisti u attivisti li bħal Daphne Caruana Galizia jaħdmu kuljum biex jikxfu kif il-ftit qed jisirqu ‘l-ħafna. Waqt li nagħmlu dan ix-xogħol nistennew il-jum fejn min jinqabad jieħu li ħaqqu u dawk li jaħdmu u jiddefendu l-libertà u l-verità f’Malta jitħallew jagħmlu xogħolhom mingħajr theddid u biża.