Editorjal

Editorjal: 3,800 mal-gvern u 3,214 prekarji

L-istatistika li ħarġet nhar it-Tnejn li għadda dwar in-nies jaħdmu bi qligħ kissret bi ftit ċifri l-gidba li qal il-Ministru tal-Finanzi meta ħaseb li l-ġurnalisti mhux se jindunaw li ma kienx qed jgħid is-sew u allega li ż-żieda qawwija ta’ nies jaħdmu mal-gvern hi xi żieda ‘statistika’ minħabba xi ‘riklassifikazzjoni’.

Żieda qawwija ta’ impjiegi mal-gvern u prekarji
U ċ-ċifri ta’ nhar it-Tnejn urew iswed fuq l-abjad li l-Labour kemm ilu fil-poter daħħal 3,800 ruħ mal-gvern u ħafna mill-impjiegi li żdiedu mal-privat huma impjiegi li l-Labour kien isejħilhom ‘prekarji’.

Irrimpjazza 1,750 ruħ li rtiraw minn mal-gvern…
Il-Ministru tal-Finanzi, il-Profs Scicluna, kien ikkonferma f’rapport lill-Kummissjoni Ewropea li minn mal-gvern jirtiraw 1,500 ruħ fis-sena. Kien wiegħed ukoll li minflokhom idaħħal biss 1,000 ħalli jkun jista’ jikkkontrolla l-iżbilanċ.

…u magħhom żied 2,072 oħra…
Imma l-Gvern Laburista fl-ewwel 14-il xahar tiegħu fil-poter mhux biss irrimpjazza l-1,750 ruħ kollha li rtiraw, talli żied magħhom 2,072 oħra kif juru ċ-ċifri ppubblikati nhar it-Tnejn li għadda.

…biex daħħal 3,800 mal-gvern f’14-il xahar
Dan ifisser li minn meta tela’ sa Mejju li għadda, il-Gvern Laburista daħħal jaħdmu mal-gvern 3,800 ħaddiem. Jiġifieri, flok suq tax-xogħol ibbażat fuq l-inizjattiva u l-intrapriża privata, il-Gvern qed idawwar ix-xejra tal-ekonomija Maltija lejn waħda bbażata fil-biċċa l-kbira fuq l-impjiegi mal-gvern.

L-impjiegi ‘prekarji’ jiżdiedu bi 3,214
Iċ-ċifri li ħarġu nhar it-Tnejn juru wkoll li, fil-privat, fl-ewwel 14-il xahar tal-Gvern Laburista, iż-żieda fl-impjiegi kienet imxaqilba ħafna lejn impjiegi part-time, dawk li l-Labour sal-elezzjoni kien isejħilhom ‘prekarji’ u li ma’ dal-Gvern ġa żdiedu bi 3,214.

Daqqa kbira lill-kredibilità tal-Profs Scicluna
L-importanza politika taċ-ċifri li ħarġu nhar it-Tnejn hi fid-daqqa kbira li jagħtu lill-kredibilità tal-Ministru tal-Finanzi. Il-Profs Scicluna ma jistax jitwemmen f’dak li jgħid fuq l-ekonomija u l-finanzi tal-gvern meta issa hu ċar li pprova jiżvija lill-ġurnalisti fuq l-impjiegi mal-gvern għax ħaseb li l-ġurnalisti huma injoranti.

Il-Profs Scicluna pprova jiżvija lill-ġurnalisti
Lill-Profs Scicluna nhar it-Tnejn giddbuh iċ-ċifri uffiċjali, bħalma kienu diġà giddbuh l-Uffiċċju u l-Awtorità tal-Istatistika, li kkonfermaw li kemm ilu fil-poter il-Labour daħħal xejn anqas minn 3,800 ruħ ġodda mal-gvern.