Għawdex Lokali Unjoni Ewropea

Ewropa aktar viċina ta’ Għawdex u li toffri aktar opportunitajiet lill-Għawdxin

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista Therese Comodini Cachia illum kellha laqgħat ma numru ta’ rapprezentanti ta’ għaqdiet/entitajiet mhux governattivi Għawdxin, fosthom il-Grupp Universitarji Ghawdxin (GUG) li jirrapreżenta lill-istudenti Għawdxin, l-Kunsill Regjonali taż-Żgħażagħ li jirrapreżenta ż-żgħażagħ Għawdxin, kif ukoll l-NGO Association ta’ Għawdex li tilqa’ fi ħdana bosta għaqdiet li jaħdmu f’setturi differenti.

Ir-rappreżentanti tal-NGOs Għawdxin fissru l-ħidma volontarja li jwettqu u elenkaw ukoll numru ta’ sfidi li jaffaċjaw fostom nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ xogħol, problemi relatati ma transport minn u lejn Għawdex kif ukoll in-nuqqas ta’ preżenza ta’ entitajiet u opportunitajiet relatati mal-Ewropa li huma meqjusa bħala distanti. Saru wkoll rimarki fuq sfidi sabiex dawn l-NGOs jiksbu fondi Ewropej u lokali sabiex ikunu jistaw jiżviluppaw ir-riżorsi tagħhom u jimplimentaw aktar proġetti. Gie rimarkat ukoll li ftit kienu ż-żgħażagħ Għawdxin li pparteċipaw fi proġetti Ewropej.

Minn dawn il-laqgħat ħargu wkoll bosta proposti fostom li tiġi organizzata attivita li tippromovi l-Għawdex lil hinn minn xtutna bis-sehem tal-NGOs, żgħażagħ u studenti Għawdxin. Saret ukoll proposta sabiex ikun hemm strutturi formali kemm fi ħdan ir-rappreżentanza tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, ir-Rappreżentanza ta’ Malta fl-Ewropa u anke strutturi oħra halli jkunu aktar vicin l-Ghawdxin u jirraprezentaw il-htiġijiet u aspirazzjonijiet tal-Għawdxin. L-NGOs talbu kuntatt u diskussjoni kontinwina matul is-sena kollha.

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista ferħet lir-rapprezentanti ta’ dawn l-għaqdiet għall-ħidma li qed iwettqu. Hi saħqet li ser tkun qed toffri l-għajnuna tagħha lil dawn l-għaqdiet biex tiffaċilita l-process ta kif dawn l-ghaqdiet jistghu jiksbu access ghal opportunitajiet Ewropej anke sahansitra sabiex ikunu jistaw jistabbilixxu kuntatt ma ghaqdiet Ewropej li wkoll jahdmu fl-istess qasam f’pajjizi ohra tal-Unjoni Ewropea. Hi tenniet li għandu jinżam kuntatt kontinwu mal-NGOs sabiex tiġi riflessa ukoll il-pożizzjoni tal-NGOs fil-ħidma tagħha fil-Parlament Ewropew. Comodini Cachia ħeġġet ukoll lill-NGOs sabiex iżommu rwol attiv fis-soċjeta u ma jiddejqux issemgħu leħinhom u jipparteċipaw f’djalogu soċjali speċjalment meta huma jkunu wettqu studji fuq kwistjonijiet li jolqtu lill-Għawdxin.

Preżenti għal dawn il-laqgħat kien hemm ukoll id-Deputat Nazzjonalista Frederick Azzopardi u Dr Kevin Cutajar li huwa ukoll attiv f’bosta għaqdiet mhux governattivi.