Formula 1 Sport

Formula 1: Alonso jistqarr li jinsab tajjeb

Is-sewwieq tal-McLaren Fernando Alonso qal li jinsab ‘kompletament tajjeb’ wara l-inċident li kellu l-Ħadd u li ħallih bil-concussion.

F’messaġġ li bgħat fuq YouTube, l-Ispanjol ta’ 33 sena qal li ried li jieħu sehem fit-testing din il-ġimgħa imma ngħata parir mit-tobba biex jistrieħ.

Din kienet l-ewwel darba li Alonso tkellem fil-pubbliku sa minn meta għamel tliet ijiem l-isptar wara l-inċident.

Id-darbtejn Champion tad-Dinja żied jgħid li se jkun lura fuq iċ-ċirkwit “mill-aktar fis”.

“Se nistrieħ għal tmiem din il-ġimgħa u ntikom aktar informazzjoni l-ġimgħa d-dieħla,” qal Alonso.

Il-McLaren għadhom qed isostnu li kien ir-riħ li wassal għal inċident imma mhux ċar għalfejn Alonso ma pprovax jevita l-ħajt kif deher minn simulazzjoni tal-inċident. Xniegħat persistenti qed jgħidu li Alonso seta’ ħa xokk ta’ 500 volt mill-karozza jew li sofra minn tip ta’ embolu żgħir fil-moħħ li diffiċli jiġi traċċat. McLaren iżda għadhomn qed jiċħdu dawn l-ipotesi.

Sadanittant komplew it-testijiet f’Barċellona b’Felipe Nasr iħalli mpresjoni mill-aqwa bis-Sauber, Jenson Button jagħmel aktar minn 60 dawra fuq il-McLaren f’jum wieħed u tidher ukoll għall-ewwel darba fiċ-ċirkwit il-Force India. Il-Ferrari, l-Mercedes u r-Red Bull ukoll komplew bil-programm mingħajr problemi

L-ewwel tiġrija tal-istaġun se tkun il-GP tal-Awstralja f’Melbourne fil-15 ta’ Marzu.