Lokali

Għawdex abbandunat mill-Gvern Laburista bi tliet ministri differenti f’sentejn u nofs

L-Għawdxin iħossuhom abbandunati u trattati bħala ċittadini tat-tieni klassi minn Gvern Laburista li mhux jagħti każ il-bżonnijiet tagħhom. Dan waqt li d-Deputati Laburisti huma mehdija f’botti u ġlied.

Iddikjaraw dan id-Deputati Nazzjonalisti eletti minn Għawdex, Chris Said u Kevin Cutajar, li elenkaw sensiela ta’ proġetti li baqgħu biss fuq il-karta, oħrajn li ilhom snin biex iseħħu u wegħdiet mhux imwettqa.

Chris Said irringrazzja lit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista li għażlet li żżur Għawdex f’ġimgħa diffiċli li fiha Għawdex sab ma’ wiċċu mat-tielet ministru differenti f’sentejn u nofs.

Semma’ numru ta’ proġetti differenti li nbdew u ma tlestewx għax id-Deputati Laburisti tal-Gvern ma jarawx għajn m’għajn. Fost dawn Pjazza San Franġisk li ilha sena maqlugħa, toroq magħluqa fl-istess ħin u x-xogħol wieqaf, u d-dar tal-anzjani f’Għajnsielem li ilha snin imwiegħda u bini ġdid għall-Qorti li baqa’ fuq l-ixkaffa.

L-Għawdxin qed isofru fl-edukazzjoni, fejn f’seba’ snin ma tpoġġietx ġebla waħda għall-iskola ġdida mwiegħda fir-Rabat, kif ukoll fis-saħħa fejn l-uniku sptar pubbliku f’Għawdex ingħata lill-privat.

Dan apparti l-ambjent, fejn eluf ta’ metri ta’ art agrikola se tinqered minn Marsalforn, proġetti bħall-pixxina li ntesew, dak li suppost kellu jkun mużew ġdid f’Għawdex iżda għadu ma bediex, u oħrajn dwar il-fast ferry u s-servizz ta’ ħelikopter. Anke s-sigurtà f’Għawdex hi problema. Fl-2019 il-kriminalità żdiedet b’20% fuq is-sena ta’ qabel.

Chris Said wiegħed li anke fil-bidla kostituzzjonali, il-PN hu disponibbli li jassisti lill-Gvern biex ikun hemm l-aqwa bidla possibbli għall-ġid ta’ pajjiżna. Madankollu wissa li l-Oppożizzjoni mhux se taċċetta li l-Gvern jgħaddi bħal romblu biex iwettaq biss il-bidliet li jaqbillu.

Id-Deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar enfasizza fuq il-proġett ta’ Gvern Laburista li jżid ir-raba’ vapur t’Għawdex … idea li fuq il-karta dehret tlellex iżda fir-realtà ħolqot diskriminazzjoni.

Qal kif, fost l-oħrajn, persuni b’diżabbiltà bħalu spiċċaw kostretti jużaw vapur antik li ma jgħoddx għall-anzjani jew persuni bħalu hekk kif hu nieqes mill-aċċessibbiltà.

Għall-kuntrarju fakkar kif il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern dejjem ta prijorità lill-gżira Għawdxija u wiegħed li anke mill-Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista qed jistinka għall-Għawdxin għax sostna li l-PN dejjem ta prijorità lil Għawdex u lill-Għawdxin.