Lokali Unjoni Ewropea

AĠĠORNATA: Knisja Episkopali fl-Italja se tieħu lill-familji bit-tfal

B'hekk fl-Italja se jaslu madwar 10 mill-persuni li ddaħħlu Malta lbieraħ

Kien tard bil-lejl, wara l-11pm, meta l-Prim Ministru Taljan Conte u l-Viċi Prim Ministru Salvini laħqu qbil sabiex minn Malta jittieħdu 10 persuni li kienu abbord is-Sea Watch. Dan bil-kundizzjoni illi ma tkunx l-Italja li ġġorr dak li Salvini qed isejjaħlu “piż fuq il-pajjiż”.

Fil-fatt, se tkun il-Knisja Valdese (Knisja Episkopali li ilha snin twal taħdem fl-Italja) illi tilqa’ lil dawn l-immigranti.

Il-Knisja Valdese se tkun qed tieħu t-tfal kollha, flimkien mal-ġenituri tagħhom.

Dan il-qbil intlaħaq wara li Matteo Salvini rritorna mill-Polonja għall-ħabta tad-9pm, u baqa’ sejjer dritt Palazzo Chigi fejn saħaq b’mod ċar illi fil-fehma tiegħu din il-mossa m’għandiex tfisser prezz finanzjarju għat-Taljani.

Salvini kien ukoll kritiku għall-Gvern Malti fejn stqarr illi Malta mhux tonora l-obbligi li daħlet għalihom. Dan wassal għal reazzjoni immedjata minn Kastilja, bl-Uffiċċju tal-Prim Ministru jgħid illi jinsab sorpriż b’dawn l-allegazzjonijiet li ġejjin mill-Leader tal-Lega.

Il-Gvern Malti fakkar li għalkemm Malta kienet wiegħdet li se tieħu 50 immigrant, f’pajjiżna kien għad hawn 50 oħra li kellha toħodhom l-Italja. Allura, dan wassal għad-deċiżjoni biex ma jiċċaqalqu l-ebda immigranti peress li n-numri kienu identiċi.

Kastilja appellat lill-Gvern Taljan biex jieqaf jirrepeti allegazzjonijiet infondati.