Futbol Sport

KURŻITAJIET: Il-Finali taċ-Champions League

Juventus u Real Madrid illejla jiltaqgħu kontra xulxin f’dik li mistennija tkun l-iktar logħba importanti tal-istaġun għall-iskwadri rispettivi.

Fost il-players li mistennija jispikkaw f’din il-loghba hemm Cristiano Ronaldo u Sergio Ramos ta’ Real Madrid u Gianluigi Buffon u Gonzalo Higuain ta’ Juventus.

Għal Buffon, din tista’ tkun l-ewwel Champions League fil-karriera tiegħu. Wara li ilu 16-il sena mal-istess klabb, ir-rebħ ta’ dan it-trofew aktarx tfisser ukoll trijonf fil-Ballun tad-Deheb.

Bil-logħba li tibda fid-disà neqsin kwart tal-lejla u r-referee jkun  Felix Brych, insegwu ftit statistika:

1 – darba. Juventus u Real Madrid iltaqgħu kontra xulxin darba biss fil-finali taċ-Champions League. Fl-1998, b’dak li llum hu l-kowċ ta’ Real Madrid, Zinedine Zidane bħala plejer ta’ Juventus, kienu l-Ispanjoli li rebħu 1-0.

2 – l-ammont li Juventus rebħu f’Champions league fl-istorja tagħhom. Distakk enormi mill-11 li rebħu Real Madrid.

3 – it-tripletta li possibbilment jakkwistaw Juventus. It-tielet tazza wara s-sitt kampjonat konsekuttiv u t-tielet Coppa Italia infila. Żewġ akkwisti storiċi għalihom u rekords għall-Italja.

6 – Juventus tilfu l-finali taċ-Champions League sitt darbiet ikkumparat mat-tliet telfiet ta’ Real Madrid.

10 – b’għaxar gowls, Cristiano Ronaldo hu l-iktar attakkant perikoluż ta’ Real Madrid. Għal Juventus, Higuain hu l-iktar li skurja, b’ħames gowls fiċ-Champions League.

32 – Dan l-istaġun Real Madrid komplew jiskurjaw bla waqfien. 32 gowl ikkuparat mal-21 gowl ta’ Juventus. Iżda t-Taljani qalgħu biss tliet gowls fi 12-il logħba taċ-Champions League waqt li Real qalgħu 17-il gowl.

53 – Bejniethom, Juventus u Real Madrid skurjaw 53 gowl f’din l-edizzjoni taċ-Champions League, fi 19-il logħba.

200 – il-pajjiżi li se jittrażmettu din il-logħba b’mod dirett, inkluż pajjiżna.

66,000 – l-ammont ta’ persuni li se jkunu preżenti fil-Millenium Stadium ta’ Cardiff.

200 miljun – it-total ta’ persuni li mistennija jsegwu l-logħba, kemm fi djarhom jew inkella f’postijiet pubbliċi.

B’attakk prolifiku bħal dak ta’ Real madrid, kontra l-aqwa difiża f’din l-edizzjoni taċ-Champions League, il-logħba tant mistennija ta’ llejla żgur li toffri spettaklu