Lokali Mużika

Mużika brijuża f’kunċert mill-Kwintett tar-Ram tal-Orkestra Nazzjonali

Il-Kwintett tar-Ram tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta bħalissa għaddej bil-preparamenti sabiex iferraħ lill-membri tal-udjenza tal-kunċert li se jtella’. Serata ta’ mużika brijuża u pjaċevoli fit-3 ta’ April fis-Sala Robert Samut, fil-Floriana.

Il-membri ta’ dan il-kwintett bnew repertorju varjat u pjaċevoli għal dan l-avveniment, li se jiġi ppreżentat bħala parti mis-serje ta’ kunċerti ta’ Mużika tal-Kamra tas-Sala Robert Samut. Huma se jesegwixxu Fanfare ta’ Paul Abraham Dukas, irranġata minn Wayne Barrington; Canzon per sonare ta’ Giovanni Gabrieli, traskritta minn Graeme Page; The Four Seasons ta’ Antonio Vivaldi, irranġati minn Kris Dorsey; Eine kleine Nachtmusik ta’ Mozart, irranġata minn Jeff Tomberg; Mini Suite for Brass No. 1 ta’ Reuben Pace; Logħba ta’ Ruben Zahra; u Pezzo per Quintetto d’Ottoni Op. 55 ta’ Joseph Vella.

Il-Kwintett tar-Ram tal-MPO, magħmul minn Kevin Abela u Stephen Murphy (trumbetta), Marco Cola (kornu), Dennis Camilleri (trumbun) u Paul Borg (tuba), huwa ensemble ta’ fama nazzjonali li jferraħ lill-udjenzi b’varjetà kbira ta’ mużika filwaqt li juri l-kompetenza teknika u l-flessibilità mużikali tal-membri tiegħu.

Il-kunċert se jittella’ fis-Sala Robert Samut, il-Floriana, fit-3 ta’ April fis-6pm. Il-biljetti jiswew €8 u jistgħu jinkisbu minn www.ticketline.com.mt, jew fuq 2124 4473. Għal aktar informazzjoni żur www.maltaorchestra.com.