Lokali Unjoni Ewropea

Il-Parlament Ewropew approva regoli ġodda

B’vot qawwi ta’ 528 vot favur u 46 biss kontra, il-Parlament Ewropew approva b’qawwa regoli ġodda biex jiġu evitati mwiet fuq il-baħar, fosthom regola li ma tħallix li jsiru pushbacks ta’ immigranti rregolari meta dawn ikunu fl-ibħra internazzjonali.

Dan jikkuntrasta ferm mad-deċiżjoni tal-Prim Ministru Malti Joseph Muscat li f’Lulju li għadda iddeċieda li japplika l-pushback policy meta f’Malta kienu waslu ftit aktar minn mitt immigrant irregolari, deċiżjoni li kienet imwaqqfa biss b’deċiżjoni tal-Qorti Ewropea ghad-Drittijiet tal-Bniedem.

L-ahbar li l-Gvern Laburista kien se jibgħat l-immigranti lura lejn il-Libja kienet ġabet reazzjoni ta’ kundanna qawwija kemm mix-xena lokali kif ukoll mix-xena internazzjonali. Il-Kummissjoni għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, il-Kumitat Konsultattiv tal-LGBT li kien waqqaf il-Gvern stess, l-għaqdiet Drachma u Aditus, l-akkademici, il-Malta Unesco Youth Association u oħrajn kollha kienu kkundannaw l-aġir tal-Gvern Malti.

Dak iz-zmien, anke’ l-President tal-Parlament Ewropew Martin Schulz, kien qal fuq twitter li Malta għandha tirrispetta l-ligi tal-Unjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni, bil-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem kellha tintervjeni hi biex twaqqaf lill-Gvern Malti milli jipproċedi.

Issa, l-Parlament Ewropew, b’vot qawwi, uffiċjalment qal ‘le’ għall-pushbacks. U aktar mid-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ggib fix-xejn dak li ried jagħmel il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat, spikka l-vot tal-ewroparlamentari Laburisti li fil-Parlament Ewropew ivvotaw kontra l-pushbacks u kienu parti mill-528 vot favur regoli kontra l-pushback policy.

L-erba’ ewroparlamentari Laburisti, jiġifieri Marlene Mizzi, Claudette Abela Baldacchino, Joseph Cuschieri u John Attard Montalto, fil-Parlament Ewropew kollha vvutaw kontra l-pushbacks, ftit biss xhur wara li s-sena li għaddiet, il-Prim Ministru Laburista kien urta lil kulħadd bid-deċiżjoni li japplika l-pushback policy.

Din ir-regola li trid tigi applikata fil-pajjizi kollha tal-Unjoni Ewropea giet approvata waqt is-sessjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu u hija parti minn pakkett usa’ ta’ regoli ntiżi biex jiġu evitati l-imwiet fuq il-baħar.