Lokali

SAĦĦA: Aktar mediċini out-of-stock

Is-sitwazzjoni tal-qasam tas-saħħa f’pajjiżna qed tmur dejjem għall-agħar… Dan hekk kif il-problema tal-mediċini out of stock qed tkompli, inkluż fl-isptar stess.

Numru ta’ persuni li tkellmu ma’ Net News qalulna li l-mediċina li tittieħed għat-thryoid bl-isem Levothyroxine – li hija mediċina li tintużà min ħafna nies peress li l-kundizzjoni tat-thryoid hija komuni ħafna – tinsab out of stock.

Apparti dan, fl-Isptar Mater Dei, l-Augmentin – li hija l-aktar antibiotic komuni li tintużà kemm ghat-tfal kif ukoll mill-kbar sabiex tikkura diversi infezzjonijiet fil-ġisem … m’għadhix teżisti. Għal diversi ġimgħat din il-medicina ma kinitx disponibbli, kemm għal pażjenti li jinsabu fl-Isptar, kif ukoll fl-ispizerija ewlenija tal-Isptar stess …u għalhekk kull min ikollu bżonn din il-mediċina, qiegħed ikollu jixtriha mill-ispizeriji privati.

Net News jinsab infurmat ukoll li mhux talli hemm nuqqas kbir ta’ staff fl-Isptar Mater Dei, u dan jagħmilha iżjed diffiċli sabiex ilaħħqu mal-ħtiġijiet tal-pazjenti, talli l-professjonisti medici m’għandhomx l-ilbies prottettiv meħtieġ.

Dan hekk kif, jirrizulta li l-ingwanti ta’ daqs zgħir u medju li jintuzaw mit-tobba u l-infermiera spiċċaw….. u kaġun ta’ dan, wieħed qiegħed ikollu jużà ingwanti ta’ daqs akbar – fatt li jpoġġi perikolu akbar għal infezzjonijiet.

Sadanittant, l-istat li jinsab fih l-isptar Mater Dei huwa tal-biki, b’diversi pazjenti fil-kurituri, swali mimlija bl-istretchers, mobile toilets li qed jintużaw bħala showers u pressjoni kbira fuq l-Emerġenza.

Net News ilu ġimgħat sħaħ jirrapporta u jitfa’ dawl fuq dak li qed jiġri f’Mater Dei, b’detriment mhux biss għall-pazjenti infushom iżda anke għat-tobba u l-infermieri li jaħdmu fl-isptar .. bil-Gvern ta’ Robert Abela jibqà jinjora dawn il-problemi serji li qed jikbru ma’ kull ġurnata li tgħaddi.