Internazzjonali

Temp ‘bomba’ fl-Istati Uniti

New York, USA

Telgħu għal 17 dawk li mietu minħabba t-temp kiesaħ ħafna li qed jaħkem partijiet kbar tal-Istati Uniti. Dan it-temp qed ikun deskritt bħala fenomenu, li l-esperti laqqmuh bomb cyclone.
Fi Florida anki niżlet il-borra għall-ewwel darba f’30 sena.


It-temp qed jaħkem l-aktar il-Lvant tal-Istati Uniti u wassal biex anki fi Florida tinżel il-borra. Bħalissa, l-Istati Uniti tinsab fit-12-il ġurnata ta’ temp kiesaħ ħafna, li kiser ir-rekord ta’ għexiren ta’ snin f’diversi Stati Amerikani. L-esperti qalu li dan it-temp mistenni jkompli jaħkem tal-anqas sa tmiem il-ġimgħa.
Bliet ewlenin tul il-grigal tal-Istati Uniti bħal Boston jinsabu fil-periklu ta’ maltempata kbira tal-borra. Għalhekk hu mistenni t-tħarbit fl-ivvjaġġar.


Tant hi kesħa, li f’Indianapolis, Indiana, kienet irreġistrata temperatura ta’ -25.5˚C – kesħa aktar milli kien hemm fl-Amundsen-Scott South Pole Station fl-Antartika.